Lokali Unjoni Ewropea

Iż-żgħażagħ Maltin l-aktar parteċipi fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Iż-żgħażagħ Maltin kienu l-aktar parteċipi fost iż-żgħażagħ Ewropej fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan irriżulta mill-kampanja li għamlet il-League of Young Voters, li r-riżultati tagħha tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Theuma fissret li l-kampanja ffukat fuq l-importanza li ż-żgħażagħ għandu jinteressahom dak kollu li qed jiġri fl-Unjoni Ewropea.

L-uffiċjal tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Andrew Micallef fisser kif il-kampanja nvolviet dibattiti fost il-kandidati mit-tliet partiti ewlenin għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u fuq il-panels kien hemm rappreżentanti tal-NGOs. Hu stqarr li l-pass li jmiss issa hu li ż-żgħażagħ jibqgħu jkunu ta’ eżempju u jagħmlu parti mill-familja Ewropea.

Albert Camilleri, mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, saħaq li l-Uffiċċju jinsab kuntent bil-kontribut taż-żgħażagħ Maltin fl-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju. Hu qal li Malta kienet mudell għal pajjiżi oħrajn għax l-elettorat Malti kien minn ta’ quddiem biex ħareġ jivvota.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Chris Agius apprezza l-involviment taż-żgħażagħ matul il-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Hu faħħar l-inizjattiva għax matulha sar xogħol imprezzabbli li kkonvinċa liż-żgħażagħ joħorġu jivvutaw. Chris Agius fakkar fil-Liġi li tirrikonoxxi x-xogħol imwettaq mill-youth workers bħala professjoni.

Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw premjijiet lil tliet żgħażagħ li ħadu sehem f’kompetizzjoni abbinata mal-kampanja tal-League of Young Voters, li rebbħithom żjara ta’ ftit jiem fi Brussell.