Lokali

L-ewwel draw u l-ewwel logħba mingħajr gowls

IRAN ………………0
NIĠERJA………….0

Iran> Haghighi, Heydari (Shojaei 89′), Hajsafi, Hosseini, Pooladi, Sadeghi, Nekounam, Timotian, Montazeri, Ghoochannejad, Dejagah (Jahanbakhsh 78′)
Niġerja> Enyeama, Ambrose, Oshaniwa, Oboabona (Yobo 29′), Omeruo, Onazi, Mikel Obi, Azeez (Odemwingie 69′), Moses (Ameobi 52′), Musa, Emenike

Imwissija> Teymourian (I)
Referee> Carlos Vera (EKW)

L-Iran u n-Niġerja spiċċaw fi draw mingħajr gowls f’partita minn Grupp F. Kien l-ewwel draw f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja u l-ewwel logħba li ma pproduċiet l-ebda gowl. }gur li l-aktar tim li gawda minn dan id-draw kien l-Arġentina li fil-logħba l-oħra għelbu lill-Bożnija-Herzegovina 2-1.
In-Niġerja ħarġu fuq l-attakk u wara tliet minuti Moses kellu ċans imma x-xutt tiegħu kien wisq fjakk. Tliet mintuti wara l-istess Moses skurja minn azzjoni ta’ corner imma l-gowl ġie imħassar għax skont ir-referee Carlos Vera, Mikel kien iffawlja avversarju.
Minn hawn il-quddiem in-Niġerjani gawdew ħafna l-pussess tal-ballun imma qatt ma kienu perikolużi.
L-ewwel reazzjoni tal-Iran waslet fit-32 minuta meta Reza rebaħ corner li ngħata minn Dejagah imma l-gowlkiper Enyeama salva bl-aqwa mod id-daqqa ta’ ras ta’ Ghoochannejad.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima kienu l-Iran li attakkaw l-aktar u fil-50 minuta Ghoochannejad ipprova xutt li mar barra. Wara din l-azzjoni ftit li xejn kien hemm periklu għaż-żewġ gowlkipers sakemm fis-76 minuta n-Niġerjani kellhom ċans permezz ta’ Onazi imma x-xutt tiegħu kien wisq dgħajjef biex jimpenja serjament lil Heghigi.
L-iskor baqa` hekk sa tmiem id-90 minuta u issa l-Iran imisshom jilagħbu kontra l-Arġentina filwaqt li ċ-champions tal-Afrika jilagħbu kontra l-Arġentina. Il-fatt li l-Iran ma qalgħux gowl mhux sorpriża, speċjalment meta wieħed iqis li minn 16-il logħba fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni, f’10 minnhom ma qalgħux gowl.
Din kienet it-tieni darba fl-istorja li n-Niġerja u l-Iran lagħbu kontra xulxin bl-uniku konfront preċdenti jkun mirbuħ min-Niġerja 1-0 fl-1998.
B’dan ir-riżultat in-Niġerja hu l-aktar tim li ilu ma jirbaħ fit-Tazza tad-Dinja. L-Afrikani ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar disa’ partiti. L-aħħar rebħa waslet fl-1998 meta kienu rebħu 1-0 kontra l-Bulgarija.
L-Iran rebħu biss logħba minn 10 li lagħbu fit-Tazza tad-Dinja u din kienet 2-1 kontra l-Istati Uniti fl-1998.

Ritratt: fifa.com