L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jidhirx li se jieħu azzjoni kontra l-eks Ministru Laburista Joe Grima, li llum hu Mibgħut Speċjali tal-Prim Ministru għall-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (WTO) u li kummenti dispreġġjattivi li għadda dwar l-immigranti qanqlu l-kundanna tal-NGO għad-drittijiet tal-bniedem Aditus. Din talbet apoloġija mingħandu u li l-Prim Ministru jieħu azzjoni kontrieh.
Minkejja li l-kelliem uffiċjali tal-Prim Ministru f’Kastilja qal lil The Times of Malta li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jiddistanzja ruħu mill-kummenti vulgari u offensivi ta’ Grima, skont l-istess ġurnal, it-tweġiba timplika li mhi se tittieħed l-ebda azzjoni. Fir-rimarki tiegħu fuq Facebook, b’risposta diretta għal kummenti tad-Direttur tal-Aditus Neil Falzon dwar id-dritt għall-vot għall-immigranti f’rapport li ħarġet din l-NGO dwar l-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetà, Joe Grima ddeskriva lil min joħroġ b’veduti estremi bħal dawn bħala “stupratur indiċenti tal-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna, li postu hu fid-detention centre“.
Dan l-attakk dirett fuq il-Fondazzjoni Aditus u fuq id-Direttur u kelliem tagħha wassal biex l-Aditus tikteb lill-Prim Ministru biex tipprotesta. F’ittra li bagħtet lil Muscat, l-Aditus qalet li ma tistax tifhem kif persuna pubblika li tgawdi l-appoġġ tal-Gvern u tiegħu f’livell għoli, bħala Mibgħut għall-WTO, jew mhix konxja inkella m’għandha l-ebda rispett għar-responsabbilitajiet tagħha.
Fl-ittra tagħha, l-Aditus qalet lil Muscat li minkejja li l-kummenti ta’ Grima fuq Facebook issa konvenjentement tneħħew, dan żgur ma jistax jiġi nterpretat bħala xi apoloġija jew li ġew irtirati. Għaldaqstant, l-NGO appellat lill-Prim Ministru biex jiżgura li tittieħed azzjoni pubblika u adegwata fil-konfront ta’ Joe Grima u d-dikjarazzjonijiet li għamel. L-anqas li jista’ jsir minn Joe Grima, qalet l-Aditus, hu li jippubblika apoloġija ċara biex jiskuża ruħu mal-Fondazzjoni u ma’ Neil Falzon.
L-NGO qalet li qed tistenna wkoll lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru joħroġ kundanna ċara għall-kummenti ta’ Grima. Din il-kundanna għandha tkun waħda li tirrifletti ‘tolleranza zero’ għal diskors ta’ mibgħeda bħal dan u għal attakki kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Madankollu, l-appelli tal-Aditus lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru jidher li waqgħu fuq widnejn torox. L-eks Ministru Laburista kompla bl-attakki tiegħu fuq l-NGO, fuq l-immigranti u issa anke fuq The Times, hekk kif b’aktar posts fuq Facebook kiteb fost l-oħrajn li The Times u dawk li politikament iġġieled kontriehom ħajtu kollha qed ikomplu jxewxu.
Grima akkuża wkoll lil The Times b’montatura mmexxija b’aġenda preċiża ta’ min juża’ l-istess tattiċi ma’ kull min ġie fil-mira tiegħu għax għadu ma jistax iqum minn żewġ tkaxkiriet li jsejħilhom madornali, filwaqt li ffirma l-post “Malta tagħna wkoll”.
//= $special ?>