Edukazzjoni Lokali

L-Università tippubblika l-Prospectus għas-sena akkademika li jmiss

Università ta' Malta

L-Università ta’ Malta ippubblikat il-Prospectus għas-sena akkademika li jmiss, li fih id-dettalji kollha tal-korsijiet undergraduate li se tkun qed toffri minn Ottubru 2014. Fi stqarrija, l-Università qalet li fil-pubblikazzjoni ta’ din is-sena nżammu sezzjonijiet li kienu ntlaqgħu tajjeb is-sena li għaddiet, fosthom id-dettalji u l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul f’kull kors, kif ukoll il-ħarsa li kienet ingħatat lejn is-servizzi disponibbli għall-istudenti kollha attwali u prospettivi.

Ingħad li barra minn hekk, fuq suġġerimenti mingħand l-istudenti stess, għall-ewwel darba l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi mappa fold-out dettaljata tal-Kampus tal-Università fl-Imsida. B’hekk, l-istudenti l-ġodda jistgħu jsibuha aktar faċli jorjentaw ruħhom f’ambjent li, għall-ewwel ġimgħat, żgur li se jkun ġdid għalihom.

Il-Prospectus jista’ jitniżżel minn www.um.edu.mt/admissions, filwaqt li kopji stampati jistgħu jinġabru wkoll matul il-Laqgħat ta’ Informazzjoni għall-istudenti prospettivi. Dawn mistennija jsiru fis-17 ta’ Lulju fis-Sala Sir Temi Zammit fil-Kampus tal-Imsida, kif ukoll mill-Kampus ta’ Għawdex fix-Xewkija, fejn fit-12 u t-13 ta’ Lulju se jkun hemm l-iStudent Advisors biex jagħtu l-pariri meħtieġa lil dawk kollha nteressati jkomplu l-istudji tagħhom fl-Università.

Il-pubblikazzjoni hi kkordinata u editjata mill-Uffiċċju tar-Reġistratur, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet u r-Relazzjonijiet mal-Alumni.