Ħadd ma weġġa’ f’nirien li ħakmu maħżen li jinsab taħt il-parkeġġ tal-lukanda Radisson f’San Ġiljan. Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li n-nirien bdew għall-ħabta tas-1.55pm minn short circuit f’makkinarju tal-elettriku li kien maħżun fil-post. Mhux ħafna bogħod minnu jirriżulta li kien hemm ukoll xi diesel, iżda fortunatament in-nar laħaq ġie kkontrollat qabel ma s-sitwazzjoni marret għall-agħar.
Fil-fatt, jirriżulta li l-operazzjoni ta’ tifi tan-nar mill-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili damet kważi sagħtejn, iżda din kienet waħda delikata minħabba li viċin tan-nirien kien hemm numru ta’ vetturi tal-impjegati li jaħdmu fil-lukanda.
Id-dħaħen, li kienu qawwija ħafna, dehru minn diversi lokalitajiet tal-madwar. Jirriżulta li kawża ta’ dawn in-nirien, uħud mir-residenti tal-lukanda ntalbu jevakwaw il-post biex ikun assigurat li m’hemmx periklu għal saħħithom.
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Island Hotels Winston Zahra Jr ikkonferma mal-ġurnalisti li ħadd ma weġġa’ fl-inċident, filwaqt li esprima t-tama li fis-sigħat li ġejjin ikun stabbilit x’wassal eżatt għal dawn in-nirien.
(Ritratti: Martin Agius, Nathalie Berry u Marilyn Camenzuli)
//= $special ?>