Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum ħalla Malta biex jingħaqad mal-Mexxejja u l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għal laqgħa f’Albufeira fil-Portugall, li fiha se jiġu diskussi l-prijoritajiet tal-PPE għall-ħames snin li ġejjin.
Il-Kap tal-PN mistenni jagħti diskors lill-Grupp dwar kif il-parlamenti nazzjonali jistgħu jkunu nvoluti aħjar u b’mod aktar effettiv fit-tfassil tal-Liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Il-PPE mistenni wkoll jiddiskuti u jġedded l-appoġġ tiegħu għall-kandidatura ta’ Jean Claude Juncker għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab akkumpanjat mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa u mill-Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia.
Il-Gvern Malti jesprimi l-appoġġ għall-kandidatura ta’ Juncker għall-Presidenza tal-KE
Sadanittant, il-Gvern Malti ħabbar li se jkun qed jappoġġja l-kandidatura ta’ Jean Claude Juncker għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. Fuq Twitter, il-Kap tal-PN esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-qbil tal-Gvern Malti għal din il-kandidatura.
//= $special ?>