Lokali

Taħwid u taqlib politiku fl-Arms fl-15-il xahar ta’ Gvern Laburista

L-ewwel 15-il xahar ta’ Gvern Laburista ra taħwid u taqlib qawwi fil-kumpanija Arms. Minkejja li l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni tant ikkritika lil din il-kumpanija responsabbli mill-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, taħt it-tmexxija tiegħu kien hemm sensiela ta’ riżenji li qed iwasslu għal taħwid u taqlib intern. Għal dawn ir-riżenji, il-Ministru responsabbli mill-Arms Konrad Mizzi ma jwieġeb xejn. Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal In-Nazzjon elenka dak li għaddew minnu f’dawn l-aħħar 15-il xahar, f’termini ta’ transfers u riżenji, l-Arms u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fejn inħatru tliet Chairpersons u tliet Kapijiet Eżekuttivi wara r-riżenji mill-istess karigi.

Aktar kmieni dan ix-xahar tħabbar li l-Gvern appunta lil Carmen Ciantar bħala l-Kap il-ġdid tal-kumpanija Arms Ltd. Ciantar, li hi membru tal-Kumitat Eżekuttiv tan-Nisa Laburisti u l-eks mara ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, hi r-raba’ persuna li nħatret f’din il-kariga f’temp ta’ sena. Dwar dawn ir-riżenji fil-kumpanija tal-Gvern li hi responsabbli mill-kontijiet tal-enerġija, tkellem ukoll fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, waqt id-dibattitu dwar l-estimi tal-Korporazzjoni Enemalta. Pullicino kkritika lill-Gvern li dawn il-ħatriet saru mhux b’sejħa pubblika iżda għal persuni li huma qrib ħafna tal-Partit Laburista.

Kif il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, il-Kap Eżekuttiv tal-Arms Wilfred Borg kien ġie sospiż mill-Ministru Konrad Mizzi u llum Borg qed jikkontesta din is-sospensjoni fil-Qorti. Wara Wilfred Borg inħatar Henry Attard, li warajh inħatar James Davis u li issa ħaditlu postu Carmen Ciantar. Jirriżulta wkoll li anke Anthony Valvo, li hu s-Sindku tax-Xgħajra u qrib ħafna tal-Prim Ministru, kien imġiegħel jirriżenja minn Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wara biss tliet xhur li ħa l-kariga taħt Gvern Laburista.

Skont l-istorja fil-ġurnal In-Nazzjon, l-ewwel deċiżjoni li kien ħa Valvo kienet li jissospendi lill-Kap Ezekuttiv tal-Arms Wilfred Borg. Wara li Valvo tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu, inħatar minfloku Tony Meilaq u ftit tax-xhur wara Meilaq inħatar John Abela bħala Chairman tal-Korporazzjoni. Għal dawn ir-riżenji, li kollha seħħew fi 15-il xahar ta’ Gvern Laburista, meta mitlub għal reazzjoni l-Ministru Konrad Mizzi baqa’ ma weġibx.