Qorti

Tammetti li kienet tisraq wara li titlob il-ħniena għal binha “marid bil-kanċer”

Mara ta’ 29 sena mir-Rabat, Malta, li fl-aħħar ġimgħat kienet qed tħabbat bieb bieb u titlob il-flus għal tifel marid bil-kanċer, ingħatat sentenza sospiża wara li ammettiet li kienet qed tisraq mingħand in-nies.
Il-mara, kienet tmur għand diversi persuni titallab u wara li jkunu tawha l-flus, kienet titlobhom xi affarijiet oħra bħal tazza ilma jew tissue. Sakemm in-nies imorru biex iġibulha dak li jkun talbithom,  f’dak il-ħin kienet tisraqilhom aktar flus.

Mary Anne Borg ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal sentejn wara li amettiet li serqet diversi persuni. Ftit wara l-ammissjoni l-Maġistrat Carol Peralta kellu kliem iebes għal Borg fejn qalilha jekk kienitx konxja li kienet qed tqajjem alarm fost il-pubbliku.

Hija ammettiet li fit-30 ta’ Mejju li għadda serqet lill-koppja Benjamin u Ludgarda Branca Leone minn Ħal Qormi u li fl-4 ta’ Ġunju serqet lil Karmena Ciantar mir-Rabat.

Ammettiet ukoll li fil-11 ta’ :unju serqet xi flus b’dannu għal Giuseppea Busuttil mill-Marsa u flus minn appartament fl-Imsida b’dannu għal persuna mhux magħrufa. Hija ammettiet ukoll li għamlet użu minn ismijiet foloz, li qarrqet bin-nies u naqset milli tħares waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Maġistrat Claire Stafrce Zammit.

Minkejja li l-Maġistrat Carol Peralta ta sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, Borg xorta baqgħet miżmuma taħt arrest minħabba li kisret il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża oħra. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mercieca.