Lokali

Tintuża għall-ewwel darba il-goal line technology fit-Tazza tad-Dinja

L-attakant Franċiż Karim Benzema skurja darbtejn hekk kif Franza għelbet lil Honduras bl-iskor ta’ 3-0 f’logħba ikkaratterizzata mill-użu għall-ewwel darba tal-goal line technology.

Franza marret fil-vantaġġ fi tmiem l-ewwel taqsima meta Benzema ikkonverta penalty mogħti wara foul ta’ Palacios fuq Pogba, foul li wassal għat-tieni karta safra u tkeċċijja ta’ Palacios li ħalla lill-Honduras jilgħabu b’ 10 minn nies.

Kienet azzjoni fit-48 minuta fejn xutt ta’ Benzema kien konvalidat permezz tal-goal line technology wara li kien hemm dubji jekk il-ballun qabiżx il-linja jew le. Minkejja dan ir-referee tal-partita Sandro Meira Ricci ikkonvalida il-gol wara li is-sistema immarkat li il-ballun kien qabeż il-linja wara li ħabat mal-gowler tal-Honduras Valladares wara li kien laqat il-lasta.

B’hekk din kienet l-ewwel darba fil-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fejn ġie mogħti gol permezz ta’ din it-teknoloġija.

Benzema skurja it-tielet gol għal Franza fit-72 minuta b’xutt b’saħħtu minn pożizzjoni angulata.

Ir-riżultat kienet wieħed meritat għal Franza hekk kif iddominaw il-logħba kollha. Permezz ta’ dan ir-riżultat Franza ingħaqdet mal-Iżvizzera f’ras il-klassifika ta’ Grupp E.