Fil-jiem li ġejjin, fil-Forzi Armati ta’ Malta mistennija jingħataw numru kbir ta’ promozzjonijiet lil uffiċjali li ngħataw raġun mill-Kummissjoni dwar l-Inġustizzji. Kummissjoni li kienet immexxija mill-eks Brigadier Maurice Calleja u mill-eks Kurunell Raphael Farrugia, li jiġi l-kunjatu tal-Ministru Edward Zammit Lewis.
Dan ġie żvelat mid-Deputat Kmandant tal-Armata Mark Mallia, li f’laqgħa ma’ numru ta’ suldati li jirrappreżentaw id-diversi taqsimiet tal-Armata, laqgha li saret fit-3 ta’ Ġunju f’Ħal Luqa, qal li d-deċiżjonijiet kollha dwar il-promozzjonijiet fl-Armata ttieħdu mill-Ministeru ta’ Manwel Mallia. U la minnu, u lanqas mill-Brigadier Jeffrey Curmi.
Per eżempju, promozzjoni li ngħatat fl-aħħar ftit jiem qanqlet rabja kbira fl-Armata. F’daqqa, Susanne Agius ingħatat promozzjoni minn Kaptan għal Logutenent Kurunell. U dan mingħajr mal-ewwel saret Maġġur. Promozzjoni doppja li urtat mhux ftit lil bosta uffiċjali fl-Armata, b’mod speċjali dawk li ilhom fil-Forzi Armati.
Susanne Agius daħlet fl-Armata tliet snin ilu.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-każi li ġew deċiżi mill-Kummissjoni dwar l-Inġustizzji, il-każi li setghu jidhru quddiem din il-Kummissjoni jmorru lura biss sas-sena 2007, l-istess sena li fiha, l-eks Kurunell Raphael Farrugia, li hu wieħed minn dawk li qed jiddeċiedi dawn il-każi, ma baqax imexxi l-Ewwel Reġiment.
Jirriżulta li hemm numru kbir ta’ każi li tressqu quddiem din il-Kummissjoni, iżda mhux quddiem l-Ombudsman, għaliex jafu li ma kellhomx raġunijiet validi x’jippreżentaw quddiem l-Ombudsman. Tant li fl-Armata qed tiġri x-xnieha li l-Ministeru għamel pressjoni kbira fuq il-Kummissjoni, fost l-oħrajn fuq il-kunjatu tal-Ministru Zammit Lewis, biex isib numru kbir ta’ inġustizzji, anke jekk ma kienx hemm, bi skuża biex ikunu jistgħu jingħataw promozzjonijiet dawk viċin tal-Ministeru u tal-Gvern Laburista.
Sorsi qalulna li t-tensjoni li bħalissa hemm fl-Armata qed twassal biex il-moral tas-suldati jinsab f’livell baxx ħafna, li qed jaffetwa mhux ftit il-ħidma ta’ kuljum.
//= $special ?>