Li l-Gvern Laburista jagħzel minn fost il-poplu min hu tal-ewwel u tat-tieni klassi skont il-kulur politiku hu fatt magħruf. Iżda żgur li ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li se jagħmel hekk ukoll ma’ għaqdiet li jgħinu lil persuni b’każi socjali.
Dak li fi zmien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kellu jkun progett socjali fl-Imsida, il-Gvern Laburista dawwar parti minnu b’mod li ġew aġevolati persuni li huma vicin Ministru Laburista.
Il-progett tal-Bini tal-Gvern fi Triq il-Wied, li taht Gvern Nazzjonalista twaqqa’ u nbena mill-ġdid ogħla mil-livell tat-triq minħabba l-ilmijiet qawwija li jgħaddu minn hemm, kellu jinkludi fih numru ta’ postijiet biex jintużaw għal NGOs li jgħinu lill-persuni bi bżonnijiet partikolari fosthom għal għaqdiet li jgħinu lil persuni b’diżabbilta’ u oħrajn li jgħinu nisa vittmi ta’ vjolenza domestika.
Kien għalhekk li fi żmien l-amministrazzjonijiet preċedenti, kienu jinħargu tenders għal dawk l-għaqdiet interessati li jibbenefikaw minn dan il-proġett, f’binja moderna, xierqa u aċċessibbli għall-bżonnijiet tagħhom. Kienu diversi l-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn il-postijiet u s’hemm, kollox kien miexi ward u żahar.
Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għal post partikolari minnhom, li hekk kif tela’ l-Gvern Laburista, minflok, inbidel f’każin. Sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li l-użu ta’ dan il-post inbidel sempliċiment għax membri fil-kumitat ta’ dan il-każin huma qrib ħafna tal-Ministru Laburista Manwel Mallia. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Manwel Mallia kien elett propju mid-distrett li jagħmel parti minnu l-Imsida.
Mhux magħruf xi proċedura ntużat biex dan il-kumitat ingħata l-permess juża dan il-post, hekk kif l-informazzjoni li għandna tgħid li l-post inkera għal tul ta’ żmien mhux ħażin. Dan qed iwassal biex fiż-żona qed ikun hemm ħafna storbju, anke tard bil-lejl, filwaqt li anke qed jiġu nnutati diversi abbużi fiż-żona, fosthom fil-parkeġġ. Dawk li kellmuna qalu wkoll li l-għaqdiet soċjali li jaħdmu mill-postijiet l-oħra qed jinkwetaw kemm dan il-każin jista’ jkun ta’ ġid għall-persuni li jagħmlu użu mis-servizzi tagħhom.
Fost diversi inċidenti li seħħew fil-ġimgħat li għaddew, is-Sibt li għadda, minħabba l-logħba mistennija bejn l-Inglizi u t-Taljani, min hu responsabbli minn dan il-każin talab il-permess tal-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista fl-Imsida biex ikun organizzat barbecue f’nofs it-triq. Wara li nghataw il-permess mill-Kunsill Lokali, il-persuni responsabbli minn dan il-każin ħadu tliet parking bays biex fihom seta’ jiġi armat il-barbecue, filwaqt li l-persuni li attendew għall-attivita’ ddeċiedew li jipparkjaw il-vetturi tagħhom f’nofs ta’ triq. Dan ħoloq żgombru għar-residenti, l-għaqdiet l-oħrajn u anke għal dawk li għal xi raġuni jagħmlu użu minn din it-triq.
Il-persuni li tkellmu magħna qalu wkoll li dan il-barbecue wassal biex fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, għall-ħabta tas-siegħa u nofs, kellhom saħanistra jintervjenu l-Pulizija minħabba dawn l-abbużi u anke l-istorbju żejjed li kien hemm.
//= $special ?>