Ammont sostanzjali ta’ xufiera tal-karozzi tal-linja illum qed josservaw direttivi ta’ azzjonijiet industrijali li ħarget il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) wara li s’issa għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar il-kwistjoni li l-UĦM għandha mal-Malta Public Transport Services, li hi l-kumpanija tat-trasport pubbliku li waqqaf il-Gvern, dwar l-għarfien trejdunionistiku.
Sa dalgħodu kienu għadhom għaddejjin it-taħditiet bejn il-UĦM u l-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi biex il-UĦM tkun rikonoxxuta bħala rappreżentanta ewlenija tal-ħaddiema tal-linja. Madankollu, s’issa dawn it-taħdidiet ma wasslu mkien u l-UĦM, kif kienet wissiet li se tagħmel ġimgħa ilu, ħarġet direttivi għall-membri tagħha biex mit-Tlieta joħorġu fuq strajk. Fil-fatt, ix-xufiera tal-linja membri fil-UĦM ma ħaddmux is-servizz fuq ir-rotot li kienu skedati għalihom bejn is-7am u d-9am, filwaqt reġgħu strajkjaw bejn l-4pm u s-6pm.
F’kummenti lil MaltaRightNow.com, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella qal li l-union lesta tkompli bl-azzjonijiet industrijali anke fil-jiem li ġejjin sakemm jintlaħaq ftehim mal-Gvern u mhux eskluż li ħaddiema oħra jingħaqdu ma’ dawn l-azzjonijiet industrijali bħala solidarjetà jekk ma jkun hemm l-ebda żblokk tas-sitwazzjoni. Madankollu, qal Josef Vella, kien hemm ħaddiema li ġew mhedda għax kienu se josservaw l-azzjoni industrijali ordnata mill-UĦM.
Uffiċjali tal-UĦM, fosthom l-istess Josef Vella, kmieni dalgħodu kienu fil-venda tal-Belt malli beda l-istrajk u ltaqgħu mal-ħaddiema (ritratt). Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport Martin Caruana qal li biex jilqa’ għall-azzjonijiet industrijali tal-UĦM, il-Gvern kien kostrett juża’ wkoll ix-xufiera ta’ kuntrattur privat.
Il-UHM qed tgħid li aktar minn nofs il-ħaddiema tat-trasport pubbliku issa daħlu membri magħha u għalhekk qed tinsisti li tkun involuta fin-negozjati dwar l-iskeda tas-Sajf. Il-union ressqet il-provi tagħha li juru li hi tirrappreżenta lill-maġġoranza tal-ħaddiema, iżda l-kumpanija tat-trasport pubbliku qed tibqa’ tinsisti li ma tagħtihiex l-għarfien uffiċjali, filwaqt li qed tibqa’ tirrifjuta li tibda l-proċess tal-verifika biex ikun stabbilit li l-UĦM verament tirrappreżenta lill-maġġoranza tal-ħaddiema.
Sadanittant ma jidhirx li jista’ jkun hemm soluzzjoni fl-immedjat ghal din il-kwistjoni hekk kif fi stqarrija l-Gvern implika li mhux lest jilqa’ t-talba tal-UHM biex jivverifika li din għandha, kif qed tgħid, il-maggoranza tal-ħaddiema fil-kumpanija tat-trasport pubbliku.
Bil-Ministru Joe Mizzi jsostni li l-Union ma ressqitx provi biex turi li għandha aktar minn 50% tal-ħaddiema fil-Malta Public Transport Services Ltd waqt li min-naħa l-oħra s’issa jirriżulta biċ-ċar li l-Union rikonoxxuta sal-lum, il-GWU, għandha aktar minn nofs il-ħaddiema. F’dan il-kuntest, tgħid l-istqarrija tal-Gvern, inħolqot sitwazzjoni bla bażi għad-detriment tal-pubbliku li ta’ min jikkundannaha.
Min-naħa tagħha l-UHM qed tkompli ssostni li għandha l-maġġoranza u li m’għandux ikun il-Ministru li jiddeċiedi min għandu l-maġġoranza, imma dan għandu jkun stabbilit, kif ġara f’postijiet tax-xogħol oħrajn, permezz ta’ proċess indipendenti li jitmexxa mid-Direttur tax-Xogħol.
Għaldaqstant il-UHM se tkun qed tkompli l-azzjonijiet industrijali għada wkoll, kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija.
//= $special ?>