Editorjal

Editorjal: Il-produzzjoni tal-fabbriki taqa’ bil-qawwi

L-ekonomiji avanzati moderni huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq is-servizzi, jiġifieri dak li nixtru li ma niħduhx bħala oġġett fiżiku f’idejna imma bħala servizz lilna: l-eżempji klassiċi huma l-insurance, qatgħa xagħar, qagħda f’lukanda, kunċert.

Min ittraskura l-manifattura mar ħażin ħafna fil-kriżi dinjija
Minkejja li s-servizzi llum jagħmlu żewġ terzi tal-valur ta’ ekonomiji bħal tagħna, għall-ekonomiji kollha l-manifattura, dak li nipproduċu fil-fabbriki u li nixtruh f’forma fiżika, hu importanti wkoll. Il-pajjiżi li ttraskuraw il-manifattura marru ħażin ħafna fil-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija ta’ bejn l-2008 u l-2013.

F’Malta rnexxielna nattiraw industriji ġodda u mġedda
F’Malta, bil-maqlub, f’dawk is-snin irnexxielna nibnu u nkabbru diversi industriji moderni li kapaċi jikkompetu: oqsma ġodda u sofistikati tal-manifattura bħall-farmaċewtika u l-bijoteknoloġija u investiment fit-tkabbir ta’ diversi fabbriki li kellna.

Ċifri inkwetanti dwar il-produzzjoni industrijali
Hu għalhekk inkwetanti li l-aħħar ċifri li ħarġet l-Unjoni Ewropea dwar il-produzzjoni fil-fabbriki juru waqgħa qawwija f’Malta, bil-kontra tal-bqija tal-Ewropa u b’mod li jġibna l-aħħar fl-Ewropa u bil-qawwi.

Fl-Ewropa jżidu b’1% fuq xahar qabel; aħna nnaqqsu 6%
X’kien qed jiġri fl-Ewropa u f’Malta? F’April fuq ix-xahar ta’ qabel, fl-Ewropa l-produzzjoni industrijali żdiedet b’1 fil-mija. F’Malta, f’April fuq Marzu, il-produzzjoni tal-fabbriki naqset b’6 fil-mija – l-agħar fl-Ewropa u bil-qabda.

Fl-Ewropa jżidu bi 2% fuq sena qabel; aħna nnaqqsu 11%
Ċikka? Ħa naraw x’ġara fuq sena. F’April fuq sena qabel, fl-Ewropa l-produzzjoni tal-fabbriki żdiedet bi 2 fil-mija. F’Malta, fl-istess xahar fuq sena qabel il-produzzjoni industrijali naqset bi 11 fil-mija – għal darb’oħra, l-aħħar fl-Ewropa u b’biċċa sewwa.

Waqgħat qawwijin kontra x-xejra f’pajjiżi oħrajn
Dawn huma ċifri inkwetanti mhux biss għax huma waqgħat qawwijin imma wkoll għax huma kontra x-xejra f’pajjiżi oħrajn. U qed jiġru f’Malta meta f’ħafna pajjiżi qed jaraw kif se jsaħħu s-settur tal-manifattura, tal-fabbriki, tal-industrija għax dan hu settur importanti ħalli pajjiż ikollu firxa ta’ setturi differenti kollha joħolqu x-xogħol.

Ċifri ħżiena li qed jikkonfermaw oħrajn ħżiena
U dawn huma ċifri f’Malta li qed jikkonfermaw oħrajn: tnaqqis fil-bejgħ fil-ħwienet, tnaqqis fis-setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-manifattura kkonfermat f’ċifri differenti, u żieda fil-qgħad. U ma nistgħux inwaħħlu f’dak li qed jiġri barra.

Bżonn pjan ekonomiku ċar u tajjeb
Malta għandha bżonn pjan ekonomiku ċar u tajjeb. S’issa għadna ma smajna xejn liema industriji ġodda u mġeddin irid jiġbed il-gvern lejn Malta. Dan hu kruċjali għas-settur importanti tal-manifattura u għad-direzzjoni ċara li jeħtieġ ikollu l-pajjiż.