Lokali

Għall-ewwel darba l-Ħaddiema tal-Gvern għadhom ma rċievewx il-paga

Il-ħaddiema kollha tal-Gvern, jiġifieri aktar minn 32,000 persuna mpjegata maċ-Ċivil, din il-ġimgħa ma rċievewx il-paga tagħhom fil-jum li suppost kellhom jirċevuha – ilbieraħ filgħodu. Diversi ħaddiema tal-Gvern għamlu kuntatt ma’ MaltaRightNow.com biex jilmentaw dwar dan id-dewmien għax din hi xi ħaġa li qatt ma ġrat qabel.

Il-Ħaddiema tal-Gvern jitħallsu kull erba’ ġimgħat u dan ix-xahar suppost li ħadu l-ewwel salarju bejn il-Ħadd u t-Tnejn. Madankollu, sa dalgħodu din kienet għadha ma daħlitx fil-kontijiet fil-banek tal-ħaddiema tas-settur pubbliku. Sorsi li tkellmu magħna qalu li d-dewmien seħħ minħabba problema teknika fis-sistema teknoloġika bil-persuni inkarigati fit-Taqsima tas-Salarji tal-Gvern kellhom jaħdmu anke tul il-weekend sa tard is-Sibt bil-lejl ħalli s-sitwazzjoni tiġi solvuta. Jidher li l-problema nqalgħet nhar l-Erbgħa u ħadet numru ta’ jiem mhux ħażin biex tiġi solvuta.

Jidher issa li l-problema ssolviet fis-sigħat li ghaddew, u MaltaRightNow.com hu nfurmat li l-file tal-pagi tal-Ħaddiema tal-Gvern issa ntbagħat lill-Bank Ċentrali, bil-pagi kellhom ikunu depożitati fil-kontijiet tal-ħaddiema wara nofsinhar. Diversi ħaddiema lmentaw magħna li dan id-dewmien fil-ħruġ tal-paga se joħolqilhom diversi problemi minħabba li ħafna minnhom għandhom arranġamenti ta’ ħlas awtomatiku fuq self mill-banek.

Jekk il-banek ma jsibux il-fondi, il-klijenti jidħlu fi spejjeż addizjonali minħabba ħlas tard.