Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Lawrence Quinatno ikkonfermat sentenza dwar il-qtil ta’ tajra protetta minn raġel li wara li qatilha, qal lil sidha, “Ħudha u żommha” u heddu li jekk se jirrapportah lill-pulizija, kien se jpattihielu.
Raymond Agius, ta’ 59 sena mill-Mosta kien instab ħati li f’Novembru tal-2009, fl-inħawi tas-Salina, qatel paletta, tajra protetta. F’Mejju tal-2012 Agius kien ikkundannat 13-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn kif ukoll multa ta’ €500.
Barra minn hekk ġie ordnat iħallas €2,375 lil Kevin Mallia, sid il-paletta. Agius kien appella mis-sentenza tal-ewwel Qorti bil-Qorti tal-Appell, tikkonferma s-sentenza tal-ewwel Qorti ħlief għall-multa ta’ €500, li tneħħiet.
Fix-xhieda tiegħu Kevin Mallia qal li huwa residenti Burmarrad u għandu park tal-għasafar. Fost għasafar oħra kellu paletta li kienet ilha għandu erba’ xhur u kien qed iħarriġha u juriha lit-tfal tal-iskola. Dawn it-tip ta’ tajr huma ta’ ċertu valur u jiswew eluf ta’ ewro. Jum fost l-oħrajn, il-paletta kienet qed tittajjar wara l-park meta Mallia ra lil Agius jisparalha tliet tiri minn ġo dura iżda ma laqathiex.
Mallia qal li mar jiġri lejn il-paletta filwaqt li ċempel lil ħabib tiegħu biex iġib kopp ħalli jaqbduha. Madankollu, xorta waħda, Agius sparalha tir ieħor u qatilha.
Skont Mallia, wara li qatilha Agius qallu, “Mela din tiegħek? Mela kollox tiegħek? Ħudha u żommha!” Mallia qal ukoll li Agius heddu li jekk jirrapportah lill-pulizija, ipattihielu. Mallia xehed li hu kellu permess biex iżomm il-paletta.
Mis-sentenza jirriżulta li meta l-pulizija arrestaw lil Agius, fid-dar tiegħu sabu 20 tip ta’ għasafar protetti bbalzmati, kif ukoll ballottra, li hi protetta wkoll, ibbalzmata. Dawn ma kinux iddikjarati.
//= $special ?>
