Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kap tal-PN jindirizza l-laqgħa tal-PPE fil-Portugall

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum waranofsinhar indirizza l-laqgħa tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), li qed issir f’Alubeira fil-Portugall. Fuq l-aġenda tal-laqgħa hemm fost l-oħrajn il-prijoritajiet tal-Grupp għall-ħames snin li ġejjin.

Simon Busuttil ingħaqad mal-Mexxejja u l-Membri Parlamentari Ewropej tal-PPE għal-laqgħa, li qed tiddiskuti wkoll u mistennija ġġedded l-appoġġ tal-Grupp lill-kandidatura ta’ Jean Claude Juncker għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN tkellem dwar kif il-Parlamenti Nazzjonali jistgħu jkunu nvoluti aħjar u b’mod aktar effettiv fit-tfassil tal-Liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Fil-Portugall, Simon Busuttil jinsab akkumpanjat mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa u miż-żewġ MEPs Nazzjonalisti l-oħra Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia.

Din hi l-ewwel laqgħa formali tal-Kapijiet tal-Partiti tal-PPE wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, li saru f’Mejju. F’dawk l-elezzjonijiet, il-PPE baqa’ l-akbar Grupp u l-aktar grupp politiku b’saħħtu fil-Parlament Ewropew, hekk kif reġa’ kiseb il-maġġoranza ta’ siġġijiet għal-leġiżlatura li ġejja.