Internazzjonali

‘Imħatra miljunarja’ dwar il-munita ewro titfa’ lil Greenpeace International fi problemi finanzjarji

L-organizzazzjoni Greenpeace International stqarret li tilfet €3.8 miljun fi mħatra dwar jekk il-munita ewro kinitx se tissaħħaħ jew le fl-2013. Jirriżulta li l-imħatra saret minn eks impjegat tal-organizzazzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa għax ħaseb li fl-2013 il-munita Ewropea ma kinitx se tissaħħaħ. Madankollu, ġara li din issaħħet.

Kelliem għal Greenpeace International qal li meta tkellmu mal-impjegat, li mbagħad tkeċċa mill-post tax-xogħol, dan ammetta li ma kellux awtorizzazzjoni iżda stqarr li għamilha għax ittama li l-organizzazzjoni kienet se tibbenefika mill-imħatra. Filwaqt li talab skuża lil dawk li jappoġġjaw lil Greenpeace International finanzjarjament, il-kelliem tal-organizzazzjoni qal li qed tanalizza kif xi ħaġa bħal din tista’ tiġri mingħajr awtorizzazzjoni.