Internazzjonali

Jinqabad il-moħħ suspettat wara l-attakk tal-2012 fuq il-konsulat Amerikan f’Benghazi

L-Istati Uniti qalet li nqabad is-suspettat kap tat-terroristi li, f’Settembru tal-2012, kienu attakkaw u taw in-nar lill-konsulat Amerikan, fil-belt Libjana ta’ Benghazi.

F’dan l-attakk kienu tilfu ħajjithom l-Ambaxxatur Chris Stevens u tliet Amerikani oħra, bl-aħħar rapporti jtennu li t-terrorista suspettat, Ahmed Abu Khatallah, qed jinżamm taħt sigurta kbira ġo lokalita barra l-Libja.

Ingħad li l-arrest ta’ Khatallah seħħ nhar il-Ħadd waqt raid sigriet tal-militar Amerikan fil-Libja, u meta hu qed jissemma bħala ‘protagonista’ fil-qtil ta’ Stevens u l-kollegi tiegħu. Kelliema għall-Pentagon, f’Washington, sostnew li l-azzjoni biex jinqabad Khatallah ma ħalliet l-ebda vittmi Ċivili u li l-Amerikani li ħadu sehem fir-raid ‘kollha telqu mil-Libja’.