Kultura Lokali Mużika

Kollox lest għall-interpretazzjonijiet ta’ “Pan the Goat God” fi tmiem il-ġimgħa

Kollox lest għall-ispettaklu “Pan the Goat God”, li l-Partit Nazzjonalista se jorganizza l-Ġimgħa u s-Sibt li ġejjin f’Ħaġar Qim. Din l-attività se tkun qed issir fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna, li qed niċċelebrawh din is-sena.

Fix-xhur li għaddew, il-PN waqqaf Kumitat apposta, immexxi minn Charles Stroud, biex jorganizza għadd ta’ attivitajiet f’dan l-anniversarju speċjali u din se tkun l-ewwel attività tal-Kumitat 50 Sena Nazzjon. L-għażla waqgħet fuq spettaklu mhux tas-soltu, li se jiġi ppreżentat lill-udjenza u li se jsir f’post daqstant ieħor mhux tas-soltu: it-Tempji ta’ Ħaġar Qim, li huma uniċi fid-dinja.

Fil-jiem tar-rappreżentazzjoni se jkun żmien is-Solistizju tas-Sajf, jiġifieri l-itwal ġurnata tas-sena, u dan kien parti mill-kalendarju tan-nies li bnew dan it-Tempju. Dan apparti li l-20 ta’ Ġunju hu wkoll Jum il-Mużika u għalhekk kienet xierqa l-għażla ta’ Ruben Zahra bħala l-persuna idonea li tidħol għal din il-biċċa xogħol.

Zahra mhux biss hu d-Direttur Artistiku u Mużikali ta’ din il-biċċa xogħol, iżda hu wkoll il-Kompożitur tagħha meta kien kitibha ppreżentaha għall-ewwel darba sitt snin ilu. Issa, dan l-ispettaklu se jkun qed jiġi ppreżentat f’kuntest ġdid, l-aktar fejn għandu x’jaqsam mas-sit ta’ Ħaġar Qim, li hu l-post li minnu nnifsu se joffri esperjenza ġdida lill-udjenza li se tattendi. Dan hekk kif it-Tempju se jiġi trasformat propju għal dawn iż-żewg rappreżentazzjonijiet.

Il-kompożizzjoni ta’ Zahra hi miktuba għall-flute, il-vjolin u l-pjanu, li se jagħtuna mhux biss dan ix-xogħol iżda wkoll siltiet oħrajn li jżewqu s-serata memorabbli. Il-mużiċisti li se jinterpretaw dan ix-xogħol huma l-flawtista Taljana Federica Lotti, il-vjolinista Nadine Galea u l-pjanista Tricia Dawn Williams. Arlette Mangion se tkun iż-żeffiena, filwaqt li din il-biċċa xogħol tinvolvi wkoll il-parteċipazzjoni tal-attur Adrian Azzopardi, li se jinterpreta l-karattru ta’ Pan.

Ix-xogħol hu mqassam f’sitt xeni u f’kull xena se naraw dimensjoni differenti tal-karattru. “Pan the Goat-God” hu mżewwaq ukoll b’video-art tal-artist Austin Camilleri, li permezz tal-filmati joħloq karattri virtwali fin-narrattiva ta’ Pan. In-Narratur se jkun Manuel Cauchi. Biljetti għaż-żewġ serati qed jinbigħu mid-Dar Ċentrali tal-PN u jiswew biss €15.

Dan l-ispettaklu hu l-bidu ta’ programm sħiħ ta’ attivitajiet li fihom il-PN se jkun qed jiżgura li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ikunu manifestazzjoni kulturali mill-aqwa. Ma’ dawn, se jkun hemm ukoll attivitajiet politiċi, iżda wkoll ta’ divertiment u anke numru ta’ publikazzjonijiet godda.