BELĠJU…………………2
ALĠERIJA…………….1
Belġju: Courtois, Alderweireld, Kompany, Vertonghen, Witsel, De Bruyne, Lukaku (Origi 58′), Hazard, Van Buyten, Dembele (Fellaini 65′), Chadli (Mertens 46′)
Alġerija: Mbolhi, Bougherra, Ghoulam, Halliche, Feghouli, Medjani (Ghilas 84′), Bentaleb, Soudani (Slimani 66′), Taider, Mahrez (Lacen 72′), Mostefa
Imwissija: Vertonghen (B) , Bentaleb (A)
Skurjaw: Feghouli 24′ (A), Fellaini 70′, Mertens 80′ (B)
Referee: Marco Rodriguez (MES)
Il-Belġju fetaħ l-impenji tiegħu fit-Tazza tad-Dinja b’rebħa ta’ 2-1 fuq l-Alġerija, rebħa li wasslet grazzi għal rimonta fit-tieni taqsima wara li sal-ewwel taqsima l-Alġerini kienu 1-0 minn fuq. It-tibdiliet li għamel il-kowċ Marc Wilmots ħallew il-frott għax kienu żewġ sostituti li skurjaw għall-Belġju, tim li qabel ma bdiet it-Tazza tad-Dinja tpoġġa bħala l-ħames pajjiż favorit li jirbaħ it-titlu. L-attakkant tal-Belġju Lukaku kellu logħba kwieta filwaqt li tajjeb wieħed jiftakar li l-Belġju qed jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni mingħajr Christian Benteke li hu imweġġa’.
L-Alġerija ma qagħudx lura milli jimponu l-logħba tagħhom u wara 24 minuta Jan Vertonghen waqqa` lil Sofiane Feghouli fil-kaxxa u r-referee Messikan Marco Rodriguez kien pront u saffar penalty favur l-Alġerija. Mill-11-il metru l-istess FEGHOULI għamel l-iskor 1-0 b’penalty kemmxejn ċentrali. Dan kien l-ewwel gowl tal-Alġerija f’dawn l-aħħar 28 sena fit-Tazza tad-Dinja.
Minn hawn ‘il quddiem il-Belġjani rari impenjaw lill-gowlkiper Mbolhi u b’hekk, fi tmiem l-ewwel taqsima l-kowċ Belġjan Wilmots kien sfurzat jagħmel xi tibdiliet. Fl-ewwel 20 minuta tat-tieni taqsima daħlu jilagħbu Fellaini, Mertens u Origi u dan mal-ewwel ħalla impatt pożittiv għax fis-70 minuta l-Belġju ġabu d-draw. Dan meta Kevin de Brunye tefa’ cross perfett li sab lil FELLAINI u l-plejer ta’ Man Utd b’daqqa ta’ ras għamilhom 1-1. It-tim Belġjan kompla jippressa biex isib il-gowl rebbieħ, gowl li fil-fatt dam 10 minuti ma wasal hekk kif Hazard għadda pass perfett lejn MERTENS u dan tal-aħħar, minn ġewwa l-kaxxa, għamel l-iskor 2-1 u ta t-tliet punti lit-tim tiegħu. Wara dan il-gowl ma kien hemm l-ebda reazzjoni u kienu l-Belġjani li setgħu żiedu mal-iskor imma l-gowlkiper Alġerin salva tajjeb fuq Fellaini biex b’hekk l-iskor sa tmiem id-90 minuta baqa` dak ta’ 2-1.
B’din it-telfa issa l-Alġerija ilhom seba’ partiti ma jirbħu fit-Tazza tad-Dinja filwaqt li l-Belġju issa ilohm ma jitilfu fit-Tazza tad-Dinja 11-il partita.
Il-Belġju issa jmissu jilgħab kontra r-Russja filwaqt li l-Alġerija jilagħbu kontra l-Korea t’Isfel.
Il-Belġju ilhom ma jitilfu fl-aħħar 10 partiti fit-Tazza tad-Dinja waqt li l-Alġerija rebħu ħamsa mill-aħħar sitt partiti.
//= $special ?>