Raġel ta’ 54 sena mill-Ħamrun, li fit-30 ta’ Mejju li għadda ġie lliberat minn akkużi li kkorrompa lit-tifla tas-sieħba tiegħu wara li nstab li din gidbet fuqu talli hu u ommha oġġezzjonaw dwar il-ġuvni li kienet qed toħroġ miegħu, qed jitlob kumpens minħabba d-danni li qed jgħid li sofra kawża ta’ din il-gidba u malafama.
Ir-raġel ippreżenta l-każ tiegħu fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed isostni li għadda minn tmien snin ta’ “proċeduri inutli li wasslu biss għal umiljazzjoni u tbatija indeskrivibbli.”
Mis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Audrey Demicoli kien irriżulta li meta kellha 16-il sena t-tfajla bdiet toħroġ ma’ ġuvni li ommha u s-sieħeb tagħha oġġezzjonaw għalih. Ftit wara, it-tfajla mhux biss telqet mid-dar u ma baqgħetx f’kuntatt mal-familja tagħha iżda spiċċat ukoll biex għamlet rapport li s-sieħeb ta’ ommha kien sawwatha u abbuża minnha sesswalment.
Ir-raġel qed jgħid li d-danni li sofra jikkonsistu f’telf ta’ introjtu meta spiċċa bla mpieg wara li telquh il-paruċċani tiegħu minħabba fil-proċeduri li kellu kontrih, u li issa ġie kkonfermat li dawn il-proċeduri saru inutilment u b’mod abbużiv. Qal ukoll li wara li kien sab impieg, minħabba li kienu tkomplew il-proċeduri kien twaqqaf mix-xogħol minn dak li kien iħaddmu, u li sal-lum għadu bla mpieg.
Filwaqt li r-raġel dejjem ċaħad li kien għamel dak li kien akkużat bih, l-omm u ż-żewġ uliedha l-oħra xehdu li dan ir-raġel dejjem irrispettahom u qatt ma raw xi mġiba mhux xierqa min-naħa tiegħu.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti kienet qalet li wara li semgħet ix-xhieda kollha, hija temmen il-verżjoni tar-raġel. Kienet qalet li jidher ċar li l-inkwiet beda meta r-raġel u s-sieħba tiegħu oġġezzjonaw dwar il-ġuvni li kienet qed toħroġ miegħu t-tfajla, u l-Qorti kienet konvinta li l-motivazzjoni tat-tfajla kienet il-fatt li ma riduhiex tibqa’ toħroġ miegħu.
Kien għalhekk ir-raġel fetaħ kawża fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili kontra bint is-sieħba tiegħu, li llum għandha 25 sena, u l-ġuvni msemmi, li llum hu żewġha. Huwa qal ukoll li huwa għamel tmien snin itul fi proċeduri inutli li wasslu biss għal umiljazzjoni u tbatija indeskrivibbli. L-ittra uffiċajli kienet iffirmata mill-Avukati tar-raġel, Veronique Dalli u Dean Hili.
//= $special ?>
