Tliet ħaddiema ġew illiberati minn akkużi ta’ serq ta’ għodod lis-sid tal-kumpanija li kienu jaħdmu magħha wara li rriżulta li huma ħaduhom għax kellhom jieħdu xi flus mingħandu. Dan ukoll wara li l-akkuża ta’ serq waqgħet u ddaħħlet l-akkuża li ħadu l-liġi b’idejhom, liema akkuża ġiet preskritta.
Samuel Schembri ta’ 50 sena minn Ħaż-Żebbuġ, George Debono ta’ 41 sena minn Ħal Qormi u Brian Baguley ta’ 34 sena mill-Mosta ma nstabux ħatja li fid-29 ta’ Awwissu 2011, f’xi ħin bejn il-11.00 a.m. u t-3.00 p.m. fl-Iklin, serqu vann tat-tip Isuzu Elf u għodod b’dannu ta’ Carmelo Spiteri u l-kumpaniji Carmelo Spiteri Limited, Vitruvius Limited u Tal-“General Limited”.
Il-Pulizija wriet filmat meħudu minn CCTV camera nstallata viċin il-bitħa, u fih dehru tliet persuni li Spiteri għarafhom bħala l-akkużati.
Kien għalhekk li l-Pulizija arrestathom fejn fl-istqarrija ammettew li kienu ħadu l-vann u l-għodod. Ħafna mill-għodod li kienu ħadu ġew ritornati. Spiteri ikkonferma fil-Qorti li kellu jagħtihom xi flus f’pagi u qal li kien qed jaħfrilhom.
Il-Maġistrat Doreen Clarke irrimarkat li f’dan il-każ jirriċulta b’mod ċar li l-ħaddiema ħadu l-għodod li ma kienx u tagħhom u mingħajr il-kunsens tas-sid, mhux bil-ħsieb tas-serq imma għax ħadu l-impressjoni li Spiteri kien qed jevitahom u li ma kienx se jħallashom il-paga dovutalilhom.
Hija semmiet li l-fatt li l-proċeduri kontrihom bdew fit-22 ta’ Novembru 2011 u li l-akkuża li xi ħadd qabad u ħa l-liġi b’idejh żdiedet fl-4 ta’ Novembru 2013, li ifisser li din l-akkuża kienet preskritta. Il-piena għal dan irr-reat hija ta’ bejn xahar u tliet xhur. Għall-ħaddiema deheru l-Avukati Edward Gatt u David Camilleri. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Michael Mallia u Silvana Zrinzo Azzopardi.
//= $special ?>