Lokali

Aġġornata: Il-UĦM tissospendi l-azzjonijiet industrijali

Intant illejla l-UĦM ħabbret li kienet irċiviet stedina mill-Ministru Joe Mizzi sabiex għada issir laqgħa bilaterali biex tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni. Il-UĦM ħabbret li għalhekk hija kienet qegħda temporanjament tissospendi l-azzjonijiet industrijali b’ġest ta’ rieda tajba.

Aktar kmieni …

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kienu preżenti numru ta’ xufiera tal-Malta Public Transport Services Limited membri tal-UĦM, il-union ġabet provi li għandha aktar minn 400 xufier membru minn total ta’ 670 xufier tal-kumpanija.

Josepf Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM ta’ rendikont tal-korrispondenza bejn il-UĦM, il-kumpanija, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi u d-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet industrijali fejn ħareġ li l-UĦM għandha l-maġġoranza tal-ħaddiema membri.

Josef Vella qal li l-UĦM hi lesta li ssir il-verifika mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali skont ix-xewqa tal-ħaddiema jew li ssir votazzjoni mill-ħaddiema fejn jiddikjaraw liema union tirrappreżentagħom fil-kumpanija.

Hu qal li għal ewwel darba kumpanija tal-Gvern mhix taċċetta li ssir il-verifika u qed ikun hemm tkaxkir tas-saqajn u theddid fuq il-ħaddiema li qed jobdu d-direttivi tal-UĦM u anke qed jiddaħħal sens ta’ biża fost il-ħaddiema.

Josef Vella qal li dan hu theddiha għad-demokrazija trejdunjonistika u appella lil Gvern biex ikun imparzjali u jħalli lil ħaddiema jagħżlu huma lil minn jirrappreżentahom fil-Malta Public Transport Services.

Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qal li l-azzjonijiet industrijali mix-xufiera membri tal-UĦM komplew illum b’waqfien ta’ sagħtejn filgħodu u sagħtejn filgħaxija u se jkomplu għada jekk ma jkunx hemm żviluppi.

Intant is-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN), fi stqarrija, uriet solidarjeta’ mal-UĦM fil-kwistjoni li għandha mal-kumpanija tal-Gvern, Malta Public Transport Services, dwar għarfien trejdjunjonistiku. L-SĦPN qalet li ma tistax tifhem kif il-Ministru responsabbli mit-Trasport Pubbliku, Joe Mizzi, qed isibha diffiċli biex iħalli f’idejn id-Direttur tax-Xogħol, sabiex b’mod indipendenti, jingħata bidu għall-proċess li jiddeċiedi liema Union għandha l-maġġoranza tal-ħaddiema.

Il-fergħa qalet li huwa tal-mistħija wkoll li hu l-fatt li kuntrarju għal dak li kien jiġri fis-snin li għaddew, il-ħaddiema, li kif għandhom dritt jagħmlu, kienu se josservaw l-azzjoni industrijali ġew mhedda fuq xogħlhom u fuq l-overtime tagħhom. Jekk għadna nqisu ruħna pajjiż normali, sostniet l-SĦPN, dawn l-affarijiet ma jiġrux.

Aktar kmieni …

Il-Union Ħaddiema Magħqudin ħabbret li għarrfet lill-Ministru responsabbli mit-Trasport Joe Mizzi li lesta tilqa’ t-talba tiegħu u tissospendi l-azzjonijiet industrijali fis-servizz tat-trasport pubbliku biex tiltaqa’ madwar il-mejda bil-provi li tgawdi s-sħubija tal-maġġoranza tax-xufiera tal-Malta Public Transport Services.

Fi stqarrija l-UĦM qalet li dan qed tagħmlu għax m’għandhiex x’taħbi u bit-tama li jintlaħaq ftehim u tiġi żblukkata s-sitwazzjoni. It-talba għal-laqgħa bejn iż-żewġ naħat saret wara li l-Ministru Mizzi jidher li għad għandu d-dubju dwar jekk in-numru ta’ xufiera membri fi ħdan il-UĦM jikkonstitwux il-maġġoranza sempliċi ta’ 50%+1 f’dan il-grad distint. S’issa Mizzi għadu ma kkonfermax li l-laqgħa se ssir, għalkemm b’din l-istqarrija l-UĦM qed tiddikjara li lesta tilqa’ l-invit.

Il-UĦM sostniet li l-proċess ta’ verifika s’issa dejjem sar mid-Direttur tax-Xogħol, iżda jidher li f’dan il-każ l-affarijiet inbidlu u l-UĦM qed tiġi mitluba tagħmel dan mal-Ministru responsabbli.

Sadanittant, fi żviluppi oħra, il-GWU fi stqarrija wissiet li jekk se jsir xi ħaġa li tkun detrimentali għar-rikonoxximent tagħha fit-trasport pubbliku, din lesta tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiddefendi l-pożizzjoni tagħha. Dan hekk kif il-GWU qed issostni li għandha l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema tal-Malta Public Transport Services.

Aktar kmieni …

L-istrajk tal-UĦM fit-trasport pubbliku qed ikompli llum

L-istrajk mill-membri tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) fil-kumpanija tat-trasport pubbliku kompla dalgħodu, hekk kif ma kien hemm l-ebda żviluppi dwar it-talba tal-UĦM biex tingħata l-għarfien bħala r-rappreżentanta ewlenija tal-ħaddiema tal-Malta Public Transport Services Limited.

Il-membri tal-UĦM, fosthom xufiera tal-linja, bdew l-istrajk ordnat mill-union ilbieraħ meta waqfu mix-xogħol għal sagħtejn bejn is-7am u d-9am u reġgħu għamlu l-istess bejn l-4pm u s-6pm. Dalgħodu wkoll, huma waqfu mix-xogħol bħall-bieraħ filgħodu u jekk jibqa’ ma jkun hemm l-ebda żvilupp, se jerġgħu jagħmlu l-istess wara nofsinhar.

Il-UĦM qed issostni li tirrappreżenta aktar minn nofs il-ħaddiema fil-Malta Public Transport Services u għalhekk qed titlob li jibda l-proċess ta’ verifika mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali. Lesta wkoll li tmur għal votazzjoni, fejn il-ħaddiema stess jiddikjaraw liema union tirrappreżentahom, jekk hux il-UĦM jew il-GWU.

Madankollu, għal xi raġuni l-Gvern u l-kumpanija tiegħu qed jirrifjutaw li jaċċettaw li jsir dan l-eżerċizzju biex ikun verifikat li l-UĦM verament għandha l-maġġoranza tal-ħaddiema. Il-Ministru Joe Mizzi sostna li l-UĦM ma ressqitx provi biex turi li għandha aktar minn 50% tal-ħaddiema u għalhekk s’issa jirriżulta biċ-ċar li għadha l-GWU li għandha aktar minn nofs il-ħaddiema.

Min-naħa tagħha, il-UĦM qed tkompli tinsisti li għandha l-maġġoranza u li m’għandux ikun il-Ministru li jiddeċiedi min għandu l-maġġoranza, iżda dan għandu jkun stabbilit, kif ġara f’postijiet tax-xogħol oħrajn, permezz ta’ proċess indipendenti li jitmexxa mid-Direttur tax-Xogħol.

F’kummenti lil dalgħodu ta lil MaltaRightNow.com, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella qal li s’issa l-istrajk ordnat mill-union kien suċċess. Hu qal li biex il-Gvern jilqa’ għal din l-azzjoni industrijali daħħal xufiera u anke coaches ta’ kuntratturi privati bħala strike breakers. Josef Vella qal ukoll li xi ħaddiema membri tal-UĦM anke kienu mhedda li jinqatagħlhom l-over-time.

Vella qal li l-UĦM lesta tissospendi l-azzjonijiet industrijali jekk il-Gvern jaċċetta li jibda l-proċess ta’ verifika mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali jew issir votazzjoni mill-ħaddiema. Il-Ministru Joe Mizzi qal li għadu disponibbli li jkompli bit-taħditiet mal-UĦM ladarba jitwaqqfu d-direttivi. Dwar il-kwistjoni tkellmet ukoll il-GWU, li qalet li l-istrajk kien segwit minn numru żgħir ta’ ħaddiema u dan, skont il-GWU, hu prova tal-fiduċja li l-ħaddiema tal-Malta Public Transport Services għandhom fiha.

Min-naħa tagħha, il-Malta Public Transport Services qalet li minkejja l-azzjoni industrijali tal-UĦM, is-servizz baqa’ għaddej b’mod normali. Qalet li skont ir-rekords li għandha, il-maġġoranza tal-ħaddiema tagħha huma membri tal-GWU u għalhekk ma tistax tiġġustifika dawn l-azzjonijiet drastiċi li ttieħdu mill-UĦM.