Lokali

Filmat: Ann Fenech maħtura waħda minn tmien Kunsilliera fil-Kumitat Eżekuttiv tas-CMI

Il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech hi l-ewwel persuna minn Malta li se tkun waħda minn tmien Kunsilliera fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Kumitat Marittimu Internazzjonali (Comite Maritime International, CMI). Dan il-Kumitat hu magħmul minn rappreżentanti minn madwar id-dinja kollha, fosthom mill-Italja, mill-Kanada, min-Niġerja u anke minn New Zealand, fost oħrajn.

Is-CMI ġie stabbilit fil-Belġju aktar minn 100 sena ilu bl-għan li jikkontribwixxi b’kull mezz għall-unifikazzjoni tal-Liġi Marittima Internazzjonali. Il-Kumitat kien wieħed mill-ewwel għaqdiet mhux governattivi internazzjonali li ngħata status konsultattiv mal-International Maritime Organisation (IMO) fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti.

Il-kumitat Marittimu Internazzjonali, kien responsabbli u fassal uħud mill-konvenzjonijiet marittimi mportanti, bħal-limitazzjoni ta’ responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti, il-ġarr tal-merkanzija, l-arresti tal-bastimenti, ġarr ta’ passiġġieri, salvataġġ fuq il-baħar, responsabbiltà ċivili għal dannu minħabba inkwinament taż-żejt u ġarr ta’ sustanzi tossiċi u perikolużi, fost oqsma oħrajn.

F’kumment lil MaltaRightNow.com, Ann Fenech spjegat li r-rwol tagħha fis-CMI se jkun sinifikanti għal pajjiżna minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna u għax ħafna mill-konvenzjonijiet marittimi jaffettwaw lil Malta. Ann Fenech, li fl-aħħar jiem kienet f’Hamburg fil-Ġermanja biex tattendi għall-Assemblea tas-CMI, ġiet appuntata wkoll bħala waħda mis-seba’ trustees fuq il-Board of Trustees tas-CMI Charitable Trust.

Fenech, li hi Managing Partner ta’ Fenech and Fenech Advocates, ilha tipprattika l-Liġi Marittima għal dawn l-aħħar 28 sena u hi wkoll il-President tal-Malta Maritime Law Association.