Ir-rabta li aħna ċ-ċittadini għandna mal-istat hi, fl-essenza tagħha, rabta ta’ ugwaljanza . Aħna kollha ċittadini ndaqs. Kollha rridu nobdu l-istess liġijiet u kollha rridu nħallsu t-taxxi dovuti. Dawn huma d-dmirijiet tagħna lejn l-istat, ikun qed imexxih min ikun qed imexxih, anke jekk ma nkunux naqblu miegħu. U min-naħa l-oħra, għandna d-drittijiet li ngawdu mill-istat – indaqs ukoll – il-ħarsien li nippretendu mill-istat ladarba aħna taħt l-istess liġijiet u nħallsu t-taxxi.
L-ugwaljanza – kisba tal-popli liberi fuq sekli sħaħ
L-ugwaljanza – ċittadini kollha ndaqs taħt l-istess liġijiet, bl-istess dmir li jħallsu t-taxxi u bl-istess dritt ta’ ħarsien mill-istat – hi kisba li l-pajjiżi demokratiċi u liberi għamlu fuq mijiet ta’ snin. U jekk din l-ugwaljanza tinkiser, inkunu morna sekli lura.
Liġi li ħadd ma jista’ jħebb għal ħadd, wisq anqas għal pulizija
Hawn liġi li suppost tgħodd għalina lkoll – li ħadd ma jista’ jħebb għal ħadd, u wisq anqas jista’ jħebb għal pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Din hi liġi tant importanti li l-Parlament Malti għadu kemm ħarrax il-pieni tagħha. Imma mhux għal kulħadd.
Raġel iħebb għal erba’ pulizija f’għassa, imma l-akkużi jaqgħu wara telefonata
Għax sena ilu, raġel daħal fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar u ħebb għal surġent u tliet kuntistabbli. Il-pulizija ħarġu akkużi kontrih. U nafu kemm il-pulizija ssegwi każi bħal dawn b’qawwa. Imma f’dal-każ, ir-raġel ċempel lil xi ħadd xħin kien l-għassa; xahrejn wara, l-akkużi kontrih ġew sospiżi, u sitt xhur wara, ġew irtirati għalkollox.
Diżugwaljanza – liġi għal tal-qalba u oħra għall-bqija
Din hi d-diżugwaljanza li qed tinħoloq minn min wiegħed li Malta tkun ta’ kulħadd indaqs. Mhux biss tal-qalba qed jaħtfu l-flus li aħna nħallsu f’taxxi, mhux biss il-ħarsien tal-istat mhux jingħata lil kulħadd indaqs, imma wkoll issa l-liġi ma tgħoddx għal tal-qalba waqt li tgħodd – u eħrex – għall-bqija.
Mhix l-ewwel darba – sena ilu waqa’ każ dwar talba għal tixħim ta’ €60 miljun
U din mhix l-ewwel darba. Għax sena ilu kellna każ li fih akkuża mill-aktar gravi dwar talba għal tixħim ta’ 60 miljun ewro – mhux importanti kontra min, l-importanti l-gravità tal-akkuża u ta’ dak li ġara wara – waqgħet qisu qatt ma kien xejn.
Ġuri pervers kontra min wasal għall-konklużjoni loġika ta’ ndħil politiku
Kulħadd seta’ jasal għall-konklużjoni ta’ ndħil politiku biex din l-akkuża waqgħet, u xħin wasal għall-istess konklużjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Gvern organizza ġuri pervers kontra Simon Busuttil fejn l-imħallfin huma d-Deputati Laburisti.
Diżugwaljanza fi stat fejn hawn min b’telefonata jaħrab minn akkużi gravi
Din hi l-gravità ta’ dak li qed jiġri mhux biss fil-korp li jista’ juża l-vjolenza leġittima fuqna ċ-ċittadini – il-pulizija – imma fi stat fejn m’għadniex ċittadini ndaqs imma hawn min jaħrab akkużi gravi b’telefonata u l-liġi tkun biss għall-bqija.