Baqa’ issa ftit anqas minn 48 siegħa għall-ewwel serata tal-ispettaklu “Pan The Goat God” f’Ħagar Qim. Dan l-ispettaklu, li qed jiġi organizzat mill-Partit Nazzjonalista u se jittella’ l-Ġimgħa u s-Sibt li ġejjin, hu spettaklu ta’ mużika b’differenza. Barra minhekk, “Pan The Goat God” se ssir f’post mhux tas-soltu, fit-Tempji ta’ Ħaġar Qim, kif spjega lil MaltaRightNow.com id-Direttur Artistiku u kompozitur ta’ din il-biċċa xogħol Ruben Zahra (l-ewwel parti tal-filmat).
Sadanittant, fl-aħħar sigħat waslu f’pajjizna l-mużiċisti li se jinterpretaw dan ix-xogħol: il-flawtista Taljana Federica Lotti, il-pjanista Tricia Dawn Williams (ritratt) u l-vjolinista mir-Royal College of Music ta’ Londra Nadine Galea (it-tieni parti tal-filmat). Iż-żeffiena ta’ dan l-ispettaklu se tkun Arlette Mangion, filwaqt li l-karattru ta’ Pan se jkun interpretat minn Adrian Azzopardi u n-narratur se jkun Manuel Cauchi.
Il-jiem tar-rappreżentazzjonijiet ma ntgħażlux b’kumbinazzjoni, iżda għax se jkun is-Solistizju tas-Sajf, jiġifieri l-itwal ġurnata tas-sena, filwqt li l-Ġimgħa, 20 ta’ Ġunju hu wkoll Jum il-Mużika. Dan l-ispettaklu hu l-ewwel minn sensiela ta’ attivitajiet li se jkunu organizzati mill-Kumitat “50 Sena Nazzjon”, li twaqqaf apposta mill-PN biex ifakkar il-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.
Il-biljetti għaż-żewġ serati jistgħu jinxtraw mid-Dar Ċentrali tal-PN għall-prezz ta’ €15.
//= $special ?>