Lokali Qorti

Ħmistax il-xahar ħabs għal pussess tad-droga kannabis

Raġel ta’ 41 sena mill-Imġarr, li għandu vizzju akut tad-droga ġie kundannat 15-il xahar ħabs u mmultat €1,200 wara li ammetta li kien fil-pusses tad-droga kannabis, bl-intenzjoni li jittraffika l-istess droga.

David Borg, ammetta li kellu fil-pusses tiegħu 227 gramma reżina tal-kannabis, li ma kienitx għal użu personali tiegħu. Huwa ammetta wkoll pussess ta’ kokaina u ta’ arma tan-nar.

Mill-provi rriżulta li persuni kienu jmorru fil-garaxx ta’ Borg, u jistaqsuh għad-droga. Kien hemm ukoll drabi fejn dawn il-persuni kienu jpejjpu l-ħaxixa miegħu. L-uffiċjal tal-probation li qed jieħu ħsieb lil Borg qal quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li r-raġel ippejjep madwar 25 “joint” kuljum.

Minn naħa tiegħu Borg qal li kien xtara l-kokaina xi sitt xhur qabel ma nqabad iżda qatt ma kkonsma minnha għaliex ma kienitx tinteressah. Fis-sentenza tagħha l-Qorti innutat li Borg kellu kondotta nadifa. L-Ispettur Herman Mula mexxa l-Prosekuzzjoni.