Malta tinħtieġ politika dwar il-lingwa fl-edukazzjoni u għalhekk, bħalissa delegazzjoni mil-Language Policy Unit tal-Kunsill tal-Ewropa qed tfassal rapport dwar is-sitwazzjoni tat-tagħlim tal-lingwi fil-pajjiżi Ewropej, fosthom Malta. Prof Charles Mifsud, responsabbli mill-Arti u l-Lingwi fil-Fakultà tal-Edukazzjoni, qal dan waqt laqgħa li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Joe Cassar kellu mad-delegazzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa.
Id-delegazzjoni qed tagħmel Country Report dwar it-Tagħlim tal-Lingwi fil-pajjiżi Ewropej. Il-laqgħa saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u d-delegazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tmexxiet minn Philia Thalgott, li ngħaqdet mal-Kunsill tal-Ewropa fl-1979. Fl-aħħar 20 sena, hi ddedikat ruħha biex tkabbar il-programmi mmexxija mit-Taqsima tal-Policy tal-Lingwi tal-Kunsill tal-Ewropa.
Joe Cassar, li kien akkumpanjat minn Paul Attard, li għal snin twal serva bħala Direttur tal-Edukazzjoni, qal li l-lingwa hi parti mportanti mill-identità ta’ pajjiżna għax tagħmilna dak li aħna. Hu fakkar li Malta tipprattika l-bi-lingwiżmu, jiġifieri l-Malti u l-Ingliż, kif ukoll il-multi-lingwiżmu fejn tinkoraġixxi wkoll l-użu tat-tielet u r-raba’ lingwa. Madankollu, għad hemm ftit nies fis-soċjetà li jużaw lingwa waħda biss.
Dwar l-impatt tas-social media, Joe Cassar qal li dan qed iwassal biex ikun hemm tibdil fil-mod kif wieħed jesprimi ruħu u anke kif tinkiteb il-lingwa, b’dan qed joħloq sfida ġdida. L-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa jistgħu jgħinu lil pajjiżna f’din l-isfida. Joe Cassar qal li l-Edukazzjoni minn dejjem kienet waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-PN flimkien max-Xogħol, l-Ekonomija u s-Saħħa.
Id-delgazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kienet tinkludi wkoll lill-Prof Jean Claude Beacco, lil Dr Lid King u lil Marisa Cavalli.
//= $special ?>