Lokali Qorti

Il-Ministru Joe Mizzi jitlef libell

Il-politiċi għandhom juru aktar tolleranza speċjalment meta huma “public figures” u li kull kelma u pass li jagħmlu huwa miftuħ għal skrutinju kemm mill-ġurnalisti kif ukoll mill-pubbliku qal il-Maġistrat Francesco Depasquale, f’sentenza li huwa ta fil-konfront tal-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi, fejn qal li kummenti ta’ John Zammit, Kap tal-Alleanza Liberali fuqu ma kienux libellużi.

Il-Ministru Joe Mizzi kien ippreżenta kawża ta’ libel għad-danni kontra John Zammit f’Jannar tal-2011 meta kien għadu “whip” tal-Oppożizzjoni fuq dak li skont hu kienu allegazzjonijiet malafamanti fuq “website” fil-konfront tiegħu minn Zammit.

Il-Maġistrat saħaq li huwa “ċar minn dak li tgħid il-liġi, fejn il-Qrati għandhom jagħtu d-dritt għall-espressjoni ħielsa tal-kelma. Dan mhux applikabbli biss għall-informazzjoni u ideat li huma meqjus bħala mhux offensivi jew bħala każijiet ta’ indifferenza, iżda wkoll dawk li joffendu, jixxukkjaw jew jiddisturbaw li Stat jew lil kull settur tal-popolazzjoni”.

Huwa qal li kulħadd għandu d-dritt jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar kif iġibu ruħhom il-politiċi mingħajr biża li jiffaċċjaw proċeduri ta’ libel.