Fil-Parlament illejla kienet diskussa l-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista f’April li għadda biex l-art viċin it-tempji megalitiċi f’Ta’ Haġrat fl-Imġarr tiġi espropjata u jingġata kumpens lill-proprjetarji.
Dan sabiex ma tkunx tista’ tiġi żviluppata u b’hekk tkun salvagwardjata l-identita tat-tempji Ta’ Haġrat, li huma meqjusa bġala Wirt Dinji mill-UNESCO.
Il-mozzjoni tal-Oppozizzjoni Nazzjonalista kienet tressqet wara li l-MEPA ħarġet permess għal żvilupp qrib it-tempji. Dan l-iżvilupp kien se joħnoq l-art li fadal fil-buffer zone li tissepara ż-żona żviluppata mill-konfini tat-tempji.
Sadattant id-dibattitu nfetaħ mill-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Ippjanar u l-Proċessi Amministrattivi, Ryan Callus. Hu appella lil MEPA biex tidentifika t-tempji kollha u l-art tkun reġistrata biex ma jkunx jista’ jsir żvilupp.
Il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco qal li għandu jkun hemm azzjonijiet konkreti biex verament il-wirt storiku ta’ pajjiżna jkun imħares. Hu qal li anke l-qalba ta’ ċerti irħula li joffru wirt għandha tkun imħarsa.
Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea qal li dak li qed jiġi propost għal Ta’ Haġrat, għandu japplika ukoll għal kull sit storiku ieħor f’pajjiżna. Hu semma diversi siti storiċi li qorob lejhom l-iżvilupp u wissa biex ma jibqgħux ikunu ripetuti l-iżbalji tal-passat.
Għan-naħa tal-Gvern il-Ministru tal-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li ma kienx diffiċli għall-Gvern li jiddeċiedi li jespropja l-art in-kwistjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva, Michael Falzon qabel mal-proposta tad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus biex ikun hemm ftehim biex siti storiċi jkunu mħarsa u ma jkunx permess żvilupp li jagħmel ħsara.
Id-Deputat Laburista Silvio Parnis qal li l-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta qed jiddiskuti proposti għall-ħarsien tas-siti storiċi fin-naħa f’isfel ta’ Malta.
//= $special ?>