Sport Sport Ieħor

Imut il-ġurnalist veteran sportiv Teddie Borg

Teddie Borg, ġurnalist veteran sportiv, miet kmieni dalgħodu fl-età ta’ 78 sena. L-aħbar ingħatat mill-PBS, fejn Borg kien jaħdem fost l-oħrajn bħala producer ta’ numru ta’ programmi sportivi fuq TVM u anke Radju Malta.

Magħruf għall-imħabba tiegħu għall-isport tal-ibburdjar, Teddie Borg kien ukoll iċ-Chairman tal-Kumitat tar-Regatta u membru fil-Kunsill Malti għall-iSport. Kien ukoll membru fil-Malta Powerboat Federation, kif ukoll fil-Kumitati tal-Malta Sailing Federation u tar-Royal Malta Yacht Club.

Fost dawk li kienu minn tal-ewwel li sellmu l-memorja ta’ Teddie Borg kien hemm Chris Agius, Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-żgħażagħ u l-Isport flimkien mal-bord tad-diretturi u l-impjegati tal-Kunsill Malti għall-Isport.

Robert Cutajar f’isem il-Partit Nazzjonalista bħala kelliem responsabbli miż-żgħażagħ u sport ukoll wassal il-kondoljanzi lill-familja ta’ Borg waqt li rrikonoxxa l-ħidma li Borg għamel tul ħajtu f’risq l-isport f’pajjiżna.

Anke l-President u l-Bord tad-Diretturi tal-Kumitat Olimpiku Malti, ingħaqdu mal-Assoċazzjonijiet Nazzjonali tal-isport affiljati biex iwasslu l-kondoljanzi lill-familja Borg. Il-KOM fakkar il-figura ta’ Teddie Borg bħala bniedem li permezz tal-isport kattar l-ideal sportiv f’bosta setturi kemm f’dak amministrattiv, ġurnalistiku, organizzattiv u wisq aktar fit-tixrid ta’ kultura sportiva f’bosta oqsma tas-soċjeta` Maltija.

L-Għaqda Ġurnalisti Sport li tagħha Borg kien membru, wkoll uriet is-sogħba tagħha għal din it-telfa.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications twassal il-kondoljanzi lill-familja ta’ Teddie Borg.