Lokali

Issir laqgħa b’rabta mall-allegazzjonijiet tal-Gvern Libjan

B’referenza għar-rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir internazzjonali u lokali dwar allegazzjonijiet tal-Gvern Libjan fuq kutrabandu li qed isir minn xi Maltin mal-Libja speċjalment b’dak li għandu x’jaqsam ma’ kutrabandu ta’ żejt,illum stess saru laqgħat tal-ogħla livell fil-qasam tas-sigurtà ta’ pajjiżna.

Dan biex jiġu vverifikati dawn l-allegazzjonijiet u jittieħdu dawk id-deċizjonijiet kollha neċessarji biex jitrażżnu attivitajiet bħal dawn biex min jinstab responsabbli jitressaq quddiem il-Qrati.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin iċċara li kien diġà infurmat b’dan mill-Ambaxxatur Malti fil-Libja u li kien diġà wassal dawn l-allegazzjonijiet għall-attenzjoni tas-Servizzi ta’ Sigurtà Maltin. Barra minnhekk, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti sejjaħ ukoll liċ-Charges d’Affaires Libjan Huseen M. M. Benown, fejn tennielu l-impenn ta’ Malta kontra kull forma ta’ kriminalità, kutrabandu, u traffikar ta’ sustanzi illeċiti.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin talab liċ-Charges d’Affaires Libjan iwassal il-messaġġ lill-Gvern Libjan li Malta bħal dejjem hi lesta li tiġġieled din it-tip ta’ kriminalità u talbu biex il-Gvern Libjan jinforma lill-Gvern Malti b’kull informazzjoni li jista’ jkollu biex tittieħed azzjoni immedjata u sfiqa u jekk ikun il-każ anki b’kollaborazzjoni mal-Forzi tal-Ordni Libjani.

Il-Ministru talab liċ-Charges d’Affaires Libjan biex iwassal ukoll l-impenn tal-Gvern Malti li jkompli jara lill-Libja tissaħħah fl-istabbiltà u sigurtà u assigurah li l-Gvern Malti li tant ħadem fil-passat fl-interess tal-Libja, żgur m’għandu ebda interess li jara attività kriminali minn Maltin jew barranin li tnawwar l-ekonomija, is-sigurtà, jew stabbiltà tal-Libja.

Il-Ministru g[all-Affarijiet Barranin Malti informa wkoll liċ-Charges d’Affaires Libjan li tard illum kellu jagħmel kuntatt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Libjan biex miegħu jiddiskuti l-aħħar żviluppi.