Il-poplu Malti u Għawdxi għandu jimmira li jkollu l-kwalitajiet sbieħ ta’ Samuel Cutajar, jiġifieri s-solidarjetà, il-ġustizzja u l-ghaqda. Dawn huma valuri li Samuel qed iħaddanhom diġà b’maturità kbira. Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet dan f’diskors li għamlet waqt il-preżentazzjoni tal-Premju San Ġwanni XXIII għat-Tjubija lil Samuel Cutajar, li għandu 10 snin u ntgħażel bħala r-rebbieħ tal-Premju ta’ din is-sena.
L-għażla dwar Cutajar waslet minħabba l-għajnuna kontinwa li jagħti lill-ħabib tiegħu Jordan Farrugia, li hu student tal-istess skola bid-Down’s Syndrome. Iċ-ċerimonja saret fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt. Il-President ta’ Malta fissret lil Samuel bħala tifel b’qalb kbira u li bl-imġieba tiegħu wera kemm hu ħabib ta’ veru. Coleiro Preca rringrazzjat lill-ġenituri ta’ Samuel għat-trobbija tajba li tawh, għax binhom għaraf li jagħmel is-sewwa fl-iskola. Hi sellmet ukoll lill-ġenituri ta’ Jordan, li wkoll juru mħabba kbira u speċjali lejn binhom.
Hi rringrazzjat ukoll lil Patri Dijonisju Mintoff li, bit-twaqqif tal-Laboratorju għall-Paċi u permezz tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija, daħħal kultura ta’ mħabba, rispett u solidarjetà. Patri Dijonisju Mintoff beda l-intervent tiegħu billi semma’ lill-mistednin taċ-ċerimonja recording tal-Papa, illum Qaddis, Ġwanni XXIII. F’dan il-messaġġ, hu għamel appell lill-ġenituri biex iħobbu lil uliedhom, f’appell li għadu u jibqa’ validu llum u għada.
Patri Dijonisju appella biex il-kitbiet tal-Papiet isibu ruħhom f’idejn in-nies għax fihom wieħed isib minjiera ta’ tagħlim, li timlieh bil-kuraġġ u bit-tama. Meta rrefera għall-kitbiet tal-Papa t-Twajjeb, Patri Dijonisju ħeġġeġ lill-għalliema biex jadattaw irwieħhom jew jinżlu għal-livell tat-tfal, filwaqt li appella lill-ġenituri jedukaw lil uliedhom lil hinn mill-iskola.
Samuel Cutajar jattendi l-Iskola Primarja fi ħdan is-Seminarju tal-Arċisqof f’tal-Virtù fir-Rabat. Il-ħbiberija bejn Samuel u Jordan kibret matul is-snin u kienet vitali ħalli Jordan integra ferm aktar ma’ sħabu l-istudenti l-oħrajn.
//= $special ?>