Internazzjonali

Jinqabad it-terrorist li wassal għal mewt tal-Ambaxxatur Amerikan fil-Libja

It-terrorist li kien responsabbli tal-attakk li fih inqatlu l-Ambaxxatur Amerikan Christopher Stevens u tliet Amerikani oħra f’Bengażi fil-Libja fl-2012, jinsab fi triqtu lejn l-Istati Uniti.

Ahmed Abu Khatalla nqabad waqt rejd sigriet minn commados Amerikani fil-Libja li skont il-Pentagon twettaq fil-15 ta’ Ġunju. Hu issa jinsab fuq bastiment tal-gwerra Amerikan fil-Mediterran qabel ma jittieħed l-Istati Uniti.

Il-President Amerikan Barack Obama minn naħa tiegħu saħaq li meta jiġu attakkati ċittadini Amerikani, ddum kemm iddum it-tiftixija għal dawk ħatja sa fl-aħħar dawn jispiċċaw jinqabdu u jitressqu sabiex jiffaċjaw ġustizzja.

L-attakk ta’ Settembru 2012 kien twettaq fuq il-Konsolat Amerikan fil-belt Libjana ta’ Bengażi, li kien ingħata n-nar.

Minn naħa tagħhom l-awtoritajiet Libjani lmentaw li r-rejd Amerikana kien vjolazzjoni tas-sovranita’ tal-Libja.