Għawdex Lokali

Jinstabu f’Marsalforn nies rappurtati nieqsa mill-awtoritajiet Ġermaniżi

Il-Pulizija qed tinvestiga każ mhux tas-soltu ta’ numru ta’ Ġermaniżi, fosthom tfal, li kienu rappurtati nieqsa fil-Ġermanja u li nstabu bi żball f’Marsalforn, Għawdex, ilbieraħ. Stqarrija tal-Pulizija qalet li l-Pulizija ta’ Għawdex ġiet infurmata li f’Marsalforn kien hemm tifel li deher li seta’ kellu bżonn l-assistenza għax kien jinstab waħdu. Jirriżulta li t-tifel, li għandu erba’ snin, deher qed jimxi waħdu f’għalqa f’Marsalforn.

Malli nstab it-tifel, li rriżulta li kien Ġermaniż, wara aktar stħarriġ mill-Pulizija kien stabbilit li dan kien qed jgħix f’appartament f’Marsalforn flimkien ma’ persuni oħrajn, li bħalu kienu rappurtati neqsin mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Jidher li fir-residenza f’Marsalforn instabu grupp ta’ nisa Ġermaniżi u wliedhom, li kollha kienu ġew rappurtati nieqsa fil-Ġermanja.

Il-Pulizija qalet li qed taħdem mill-qrib mal-Pulizija Ġermaniża dwar dan il-każ, iżda fi stqarrija qasira sostniet li mhux prudenti li tikkummenta aktar għax l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Ma tat lanqas l-ebda dettalji dwar kemm kien hemm nies b’kollox, is-sess jew l-etajiet tagħhom. Madankollu, sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li l-persuni nieqsa fil-Ġermanja u li nstabu f’Għawdex kienu jammontaw b’kollox għal tmienja, tliet nisa u ħamest itfal. Skont ir-rapporti, it-tfal kienu rappurtati neqsin mill-missirijiet tagħhom fil-Ġermanja.

Dawn kollha nstab li kienu qed jgħixu fl-appartament ta’ Marsalforn ma’ koppja miżżewġa. Il-koppja, li jidher li wkoll hi Ġermaniża, qalet li kienet qed tagħtihom kenn bħala parti minn NGO Ġermaniża li tieħu ħsieb nisa msawta. Issa t-tfal ġew trsaferiti lejn Malta u jinsabu taħt il-kustodja tal-Aġenzija Appoġġ.