Ir-raġel li qatel lil missier is-sieħba tiegħu fil-Kalkara, f’Ottubru li għadda, spara tliet tiri mill-qrib. Hu ntlaqat darbtejn f’idu l-leminija u darba fis-sinsla ta’ daharu. Dan ħareġ mix-xhieda tal-espert ballistiku l-Brigadier Maurice Scicluna, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontra Gregorio Scicluna, ta’ 52 sena mill-Kalkara, li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Joseph Caruana ta’ 61 sena.
Scicluna, magħruf bħala “il-Goodie”, qed jiffaċċa total ta’ 11-il akkuża, b’dik l-aktar serja tkun ta’ omiċidju. Jinsab mixli wkoll bl-attentat ta’ qtil tal-eks sieħba tiegħu għal disa’ snin, Simone Caruana ta’ 27 sena, kif ukoll taż-żewġ bniet tagħhom il-kbar, ta’ tliet u ħames snin rispettivament, kif ukoll li kkaġuna feriti serji fuq Simone Caruana u binthom l-oħra ta’ tliet snin.
Fil-Qorti diġà kien qabel seħħ il-każ, il-koppja kienu qed jiffaċċaw lil xulxin il-Qorti fuq il-kustodja tat-tfal. Dakinhar tal-inċident, Simone Caruana kienet ħadet lit-tfal biex jaraw lil missierha, nannuhom, li spiċċa l-vittma. Kien hemm argument bejn il-koppja dwar camera diġitali u kien hemm li allegatament l-akkużat ħareġ arma tan-nar u spara lil missierha wara li kienu ġew fl-idejn. Missier Simone kien instab mejjet fil-bitħa.
Fil-Qorti, il-Brigadier Calleja qal li l-vittma kien sofra minn tliet tiri ta’ senter. It-tir li laqat lill-vittma fis-sinsla ta’ daharu kien sparat minn distanza ta’ 40ċm. Ir-raba tir kien laqat lill-karozza, li kienet ipparkjata quddiem id-dar. Is-senter kien instab imkisser f’żewġ biċċiet u abbandunnat f’tentattiv li jkun moħbi u ma jinstabx.
L-espert foreniku Joseph Mallia qal li l-marki tas-swaba’ nstabu fuq l-arma li qatlet lill-vittma, filwaqt li espert ieħor qal li nstabu marki fuq il-ġisem u l-ħwejjeġ tal-akkużat. L-esperta tad-DNA Marisa Cassar qalet li traċċi ta’ demm l-omm u l-bint instabu fejn il-bieb ta’ barra.
Il-każ se jkompli l-Ġimgħa, meta d-Difiża u l-Prosekuzzjoni se jagħmlu s-sottmomissjonijiet tagħhom dwar il-libertà proviżorja.
//= $special ?>
