Sport

L-Awstralja mgħeluba f’logħba missielta ħafna

L-Olanda sar l-ewwel tim li għadda għall-fażi li jmiss meta għelbu lill-Awstralja 3-2 f’logħba mill-isbaħ  mimlija emozzjonijiet. Wara li l-Olanda kienu għelbu lil Spanja 5-1, kienet mistennija rebħa komda fuq l-Awstralja imma dawn offrew sfida denja u kienu sfortunati li ma ħadux imqar draw minn dan il-konfront. Din kienet it-tieni telfa għall-Awstralja wara dik kontra ċ-Ċile.

Il-kowċ tal-Olanda Van Gaal beda bl-istess 11 li rebħu kontra Spanja filwaqt li l-Awstralja għamlu żewġ tibdiliet mil-logħba kontra ċ-Ċile.

Iż-żewġ timijiet ħarġu jfittxu l-gowl u wara kwarta l-Awstraljan Bresciano għadda lejn Leckie li ra x-xutt tiegħu imxellef minn De Vrij. Fl-20 minuta l-Olanda marru fil-vantaġġ permezz ta’ Arjen ROBBEN li għamel ħarba tipika minn kważi nofs il-grawnd, evita lid-difensur Wilkinson u għeleb lill-gowlkiper Ryan għat-tielet goal personali fit-turnament.

Imma l-partitarji Olandiżi kien għadhom qed jiċċelebraw meta wasal id-draw Awstraljan anqas minn minuta wara. Kien Tim CAHILL li b’volley spettakolari bix-xellug sammar fix-xibka. Għal Cahill dan kien it-tieni gowl f’din l-edizzjoni wara dak kontra ċ-Ċile.

Reazzjoni Olandiża meta minn azzjoni ta’ corner, Vlaar ra x-xutt tiegħu jmur barra.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima l-Awstraljani ħasdu lid-dinja meta marru saħansitra fil-vantaġġ. Pass ta’ Bozanic mess ma’ id Janmaat u r-referee Alġerin Haimoudi ordna penalty. Mill-11-il metru nkariga JEDANIK li poġġa lit-tim ta’ Ange Postecoglou fil-vantaġġ għall-ewwel darba f’din il-logħba.

Imma bħalma seħħ fl-ewwel taqsima waslet risposta immedjata Olandiża u din id-darba kien Robin VAN PERSIE li għamel l-iskor indaqs.

Il-plejer ta’ Man Utd għeleb in-nasba tal-offside u spara xutt li ma ta l-ebda ċans lil Ryan isalva biex anke hu skurja t-tielet gowl tiegħu f’din l-edizzjoni. It-tim ta’ Van Gaal kompla jattakka u żewġ minuti wara kien Robben li ittanta xotrih imma Ryan salva bla diffikulta`.

10 minuti wara wasal il-gowl deċiżiv meta DEPAY skurja b’xutt minn barra l-kaxxa bil-gowlkiper Ryan ikollu wkoll xi ftit mit-tort. Minkejja l-isforzi aħħarin tal-Awstralja l-Olandiżi ddefendew tajjeb lejn l-aħħar biex ħadu t-tliet punti u l-kwalifikazzjoni.

Ta’ min jinnota li Tim Cahill u Robin van Persie se jitilfu l-partita li jmiss wara li t-tnejn ;ew murija t-tieni karta safra tagħhom. Van Persie se jitlef il-logħba kontra ċ-Ċile filwaqt li Cahill kontra Spanja u probabbilment ma jerġax jilgħab aktar f’Tazza tad-Dinja peress li għandu 34 sena u ma jidhirx li t-tim tiegħu se jilgħab ir-raba’ logħba.