Lokali

L-MHRA terġa’ ssejjaħ għal pjan strateġiku ġdid għat-turiżmu f’pajjiżna

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) reġgħet sejħet għal pjan strateġiku ġdid għat-turiżmu f’pajjiżna. F’reazzjoni għad-dibattitu Parlamentari dwar it-turiżmu li sar aktar kmieni din il-ġimgħa, fi stqarrija l-President tal-MHRA Paul Bugeja qal li wasal iż-żmien li Malta jkollha viżjoni aġġornata u pjan strateġiku ħolistiku li jħares fit-tul f’dak li għandu x’jaqsam mal-industrija tat-turiżmu.

Fl-appell tiegħu, Paul Bugeja qal li issa hu ż-żmien opportun biex titnieda strateġija li ġġib magħha bidla fundamentali fil-mod kif il-Gvern jiffaċilita l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir tal-industrija tat-turiżmu f’Malta fis-snin li ġejjin. Dan l-appell sar fid-dawl tal-fatt li l-industrija tat-turiżmu hi sensittiva ħafna u taħdem f’suq dinamiku. Għalhekk, hu mportanti li, filwaqt li nippjanaw fit-tul, inkunu kapaċi nkunu flessibli u nnovattivi fl-istess ħin, qalet l-MHRA.

Fl-istqarrija, l-MHRA pproponiet li l-istrateġija tiffoka fuq erba’ punti partikolari: li jiżdied l-għarfien dwar Malta bħala destinazzjoni turistika fir-reġjun tal-Mediterran; li jiġi ffaċilitat l-aċċess u l-moviment ta’ dawk li jivvjaġġaw, filwaqt li fl-istess ħin ikunu assigurati s-sigurtà u l-integrità tal-fruntieri Maltin; li nħeġġu l-iżvilupp u l-investiment fil-prodott Malti; u t-trawwim ta’ ħiliet fil-ħaddiema Maltin biex jiġu assigurati servizz tajjeb u ospitalità lit-turisti li jżuruna.

Fid-dawl ta’ dan, l-MHRA reġgħet enfasizzat li wieħed irid iżomm f’moħħu d-daqs tal-gżejjer Maltin u għalhekk għandu jkun assigurat li f’kull staġun ikun hawn numru massimu ta’ turisti li jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni taż-żjara tagħhom. L-MHRA faħħret il-koperazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-ħidma favur it-turiżmu, filwaqt li appellat biex l-istakeholders kollha jagħtu l-kontribut tagħhom u jiġbdu ħabel wieħed.