Lokali

Nathan Farrugia jkompli bl-isfida “Ultramed Challenge”

Il-Kap Ezekuttiv tal-Inspire Nathan Farrugia qed ikompli bl-isfida “Ultramed Challenge”, fejn qed jipprova jkopri rotta ta’ 666km minn Korsika sa Sardinja bil-ġiri, l-għawm u l-qdif fuq ir-rota. L-għan ta’ din l-isfida hu biex jiġbor €50,000 b’risq l-istess Fondazzjoni, li tgħin eluf ta’ tfal u adulti b’diżabbiltà jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Minkejja li minħabba l-ostakli li ltaqa’ magħhom fi tmiem il-ġimgħa li għadda l-attentat biex jikser rekord dinji issa tar mar-riħ, Farrugia xorta hu determinat li jkopri r-rotta kollha biex ikun temm l-isfida b’suċċess. Wara li s-Sibt li għadda kien sfurzat jieqaf wara ġirja ta’ 160km f’Korsika u saħanistra għamel ġurnata u lejl fl-isptar minħabba deyhdration, wara li ġie f’tiegħu u kien straħ biżżejjed, ilbieraħ it-tobba qalulu li seta’ jkompli. B’hekk, Farrugia għam tul ta’ 15km tul il-Bonifacio Straits minn Korsika sa Sardinja f’baħar imqalleb (filmat) u fi sfida li ħaditlu ħames sigħat u nofs.

Wara, hu beda t-tielet u l-aħħar tappa tal-isfida, jiġifieri li jaqdef bir-rota tul ta’ 445km tul il-kosta tal-lvant ta’ Sardinja lejn in-naħa ta’ isfel tal-gżira. Issa Nathan Farrugia jinsab waħdu għax meta waqaf minħabba l-problemi li ltaqa’ magħhom, il-bqija tal-atleti li kienu qed jakkumpanjawh komplew bit-tieni tappa u issa rritornaw lura Malta kif kien ippjanat li jiġri. Għalhekk, Nathan Farrugia qed ikompli l-isfida waħdu, b’backpack fuq dahru. Ta’ kuljum, hu qed jipprova jkopri kemm jista’ distanzi twal fid-dawl tax-xemx.

Fis-sigħat li ġejjin, Nathan Farrugia se jkun għamel madwar 200km bir-rota u għalhekk kważi nofs ir-rotta kollha li fadallu.