Pasqualino Cefai, li fi tmiem ġuri l-ġimgħa li għaddiet ma nstabx ħati tal-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Portelli waqt seduta fl-Awla tal-Qorti ta’ Ghawdex sentejn ilu, iżda nstab ħati ta’ feriti gravi fuq il-vittma b’14-il daqqa ta’ mus, intbagħat seba’ snin ħabs. Is-sentenza ngħatat fil-Qorti mill-Imħallef Michael Mallia dalgħodu, ħamest ijiem wara l-verdett tal-ġurija.
L-Imħallef Mallia ddikjara li Cefai ma jistħoqqlu l-ebda ħniena għax kien ilu bi problemi mal-Liġi minn meta kellu 16-il sena u minn dakinhar ‘l hawn, kull sentejn kellu xi każ il-Qorti dwar ħaġa jew oħra. L-akkużat itterrorizza lil Għawdex, qal l-Imħallef, u l-Qorti dejjem kienet ħanina miegħu. Iżda minkejja dan, Cefai kompla bl-aggressjonijiet u l-bullying bl-użu tal-vjolenza biex jilħaq l-għanjiet tiegħu.
Cefai ngħata sentenza ta’ priġunerija ta’ ħames snin talli wettaq feriti gravi fuq Portelli u sitt xhur talli kiser il-libertà provviżorja. Fil-konfront tieghu, ġew implimentati wkoll sena u nofs priġunerija talli b’dan il-każ kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża, li kien ingħata f’April 2012. B’hekk, b’kollox, l-imputat se jkun qed iservi total ta’ seba’ snin ħabs, filwaqt li ġie kkundannat ukoll iħallas is-somma ta’ €6,000.
Il-Ġimgħa li għadda, wara madwar tmien sigħat ta’ deliberazzjoni li bdew il-Hamis, il-ġurati lanqas kienu sabu lill-Għawdxi miż-Żebbug ħati li kkawża feriti gravi fuq l-Avukat Kevin Mompalao, iżda sabuh ħati li kkawżalu feriti ħfief. Cefai instab ħati wkoll li kkaġuna ferita ħafifa fuq Marixxal tal-Qorti u ħati wkoll li uża arma bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Meta ġara l-każ, f’Ġunju 2012, l-akkużat u l-vittma kienu fil-Qorti ta’ Għawdex f’kawża bejniethom dwar żewġ trakkijiet li kienu ġew sekwestrati favur il-vittma biex dan jitħallas dak li kellu jieħu mingħand l-akkużat.
Is-sentenza f’dan il-ġuri ma ngħatatx il-Ġimgħa stess għax fuq talba tad-Difiża, kellhom ikomplu jinstemgħu aktar xhieda. Fil-fatt, fil-jiem li għaddew xehed fil-Qorti l-Psikjatra Anton Grech, li nvista lil Cefai diversi drabi qabel u wara li seħħ il-każ. Id-Difiża tellgħet ukoll biex tixhed lil omm Cefai, Tereża, li qalet li Portelli tħallas mingħand binha €12,000 u li kien baqa’ biss ftit mijiet ta’ ewro x’jitħallsu.
Minkejja l-appelli tad-Difiża minħabba li Cefai kellu problemi b’saħħtu, għax fost l-oħrajn kien ibati minn depression, l-Imħallef qal li din mhix skuża biżżejjed għall-imġieba tal-akkużat għax minkejja li ngħata soluzzjoni, injoraha u għażel l-aggressjoni. Għaldaqstant, qal l-Imħallef fis-sentenza tiegħu, Cefai jistħoqqlu l-eħrex piena u ma tistħoqqlu l-ebda ħniena għax hu ma weriex ħniena mal-vittmi tiegħu.
//= $special ?>