Sport

Spanja eliminati mit-Tazza tad-Dinja

Iċ-champions tad-dinja Spanja sfaw eliminati mill-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja meta tilfu 2-0 kontra ċ-Ċile. Bla dubju, qabel ma bdiet it-Tazza tad-Dinja ħadd ma stenna li Spanja, champions kemm tad-dinja kif ukoll tal-Ewropa, kienu se jtemmu l-avventura tagħhom daqshekk malajr fil-Brażil. Bir-rebħa kontra Spanja, ċ-Ċile, flimkien mal-Olanda, għaddew għall-fażi li jmiss u issa l-logħba bejn dawn iż-żewġ pajjiżi se tiddetermina min jirbaħ il-grupp u jilgħab kontra r-runner-up ta’ Grupp A.

Il-wirjiet li kellhom Spanja f’din l-edizzjoni kienu deludenti għall-aħħar u ħarsa lejn l-istatistika turi li f’żewġ partiti Spanja qalgħet total ta’ seba’ gowls u skurjaw biss wieħed, minn penalty. Dan l-ammont ta’ gowl li qalgħu hu daqs kemm qalgħu Spanja fit-12-il logħba preċidenti fit-Tazza tad-Dinja.

Jista’ jagħti l-każ li assistejna għal tmiem ta’ era ta’ plejers li tul dawn l-aħħar tmien snin iddominaw ix-xena internazzjonali. Żgur li fil-midja Spanjola l-kowċ Del Bosque se jkun ikkritikat għall-fatt li lagħab lil Casillas u lil Diego Costa, żewġ plejers li naqqsu milli juru l-logħob li huma magħrufin għalih. Casillas lagħab ftit matul l-istaġun ma’ Real Madrid u kienu ħafna dawk xettiċi dwaru filwaqt li Costa, wara staġun mill-aqwa ma’ Atletico Madrid kellu injuries lejn l-aħħar tal-istaġun u ħafna kienu kontra l-fatt li Del Bosque xorta sejjaħlu biex jifforma parti mill-iskwadra.

Għal logħba Del Bosque għamel xi tibdiliet mill-ewwel logħba kontra l-Olanda u ħalla barra lil Pique u lil Xavi. Mill-bidu tal-ewwel taqsima deher li ċ-Ċile ma kinux se joqgħodu lura u dawn ħarġu jfittxu l-gowl kmieni. Wara 20 minuta dan il-gowl wasal meta Aranguiz għamel ħarba tajba minn fuq in-naħa tal-lemin u tefa’ pass fil-kaxxa li sab lil VARGAS li ikkontrolla l-ballun u mill-viċin għeleb lil Casillas għal skor ta’ 1-0.

Erba’ minuti wara waslet l-ewwel reazzjoni ta’ Spanja meta Diego Costa waqqa` ballun lil Xabi Alonso imma l-plejer ta’ Real Madrid ra x-xutt tiegħu jmur ferm għoli. Tliet minuti wara Spanja ħasbu li kienu ġabu d-draw imma x-xutt ta’ Diego Costa ħabat mal-ġenb tax-xibka u ta l-illużjoni tal-gowl.

Wara dan iċ-ċans ftit kienu l-okkażjonijiet fejn it-timijiet impenjaw lill-gowlkipers avversarji u tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima wasal it-tieni gowl taċ-Ċile. Fit-42 minuta Alonso waqqa` lil Sanchez barra l-kaxxa. L-istess Sanchez ra l-free kick dirett tiegħu jkun salvat minn Casillas b’mod kemmxejn difettuż u mir-rebound ARANGUIZ poġġa l-ballun fix-xibka għal skor ta’ 2-0. Hekk kif bdiet it-tieni taqsima Spanja mal-ewwel ħarġu fuq l-attakk biex inaqqsu d-distakk u l-ewwel ċans wasal għand Diego Costa li daħal fil-kaxxa imma x-xutt tiegħu kien devjat minn difensur għal corner li minnu l-Ispanjoli naqqsu milli japprofittaw. Minn hawn ‘ il quddiem iċ-Ċile ikkontrollaw b’faċilita` kbira u bdew idawwru l-ballun kif iridu. Nofs siegħa mit-tmiem Del Bosque daħħal lil Torres jilgħab minflok Diego Costa imma dan ma ħalla l-ebda impatt. Lejn l-aħħar minuti ċ-Ċile saħanistra kellhom ċans iżidu mal-iskor imma l-attakkanti tagħhom tilfu ċansijiet banali.

Din kienet l-ewwel darba fi 11-il logħba li ċ-Ċile rebħu kontra Spanja. Fl-10 konfronti preċedenti l-Ispanjoli kienu rebħu tmienja filwaqt li tnejn minnhom kienu spiċċaw fi draw. Din kienet ukoll l-ewwel darba sa mill-2006 li Spanja tilfet żewġ partiti konsekuttivi. Issa Spanja jmissha tilgħab kontra l-Awstralja u din il-partita se tkun biss formalita` għax iż-żewġ timijiet huma diġa’ eliminati. Minn Settembru li ġej issa Spanja jibdew jilagħbu fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016 fejn se jkunu qed jippruvaw jiddefendu t-titlu li rebħu fl-2012.