Lokali

Tlettin elf Ewro lill-NGO ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar u lill-Moviment Hospice

L-assoċazzjoni Experience, Adventure & More ippreżentat is-somma ta’ 30,000 ewro lill-NGO ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar u lill-Moviment Hospice. Dawn il-flus inġabru minn mixja spiritwali li għamlu 26 pellegrin Malti fi Spanja fi tmiem ix-xahar li għadda.

Il-mixja, magħrufa aħjar bħala l-Camino de Santiago, kienet twila 112-il kilometru u ħadet lill-parteċipanti mill-belt ta’ Sarria sal-Katidral Gotiku f’Santiago de Campostela. Din il-mixja hi tradizzjoni li tmur lura għall-Medju Evu u li reġgħet kisbet popolarita’ kbira f’dawn l-aħħar 20 sena.

Il-fundatur tal-assoċazzjoni Mario Scerri fisser kif din l-inizjattiva għamlet ħafna ġid lill-pellegrini Maltin – mhux biss ġid spiritwali iżda wkoll ġid soċjali u anki kulturali.

Il-koordinatriċi ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar, Astrid Vella fissret l-apprezzament tagħha għall-inizjattiva li saret bejn l-24 u l-31 ta’ Mejju li għadda.

Hi spjegat kif il-preparamenti għal din l-isfida bdew tliet xhur qabel u l-parteċipanti kienu ġejjin minn kull qasam tal-ħajja fis-soċjeta’ Maltija.

Astrid Vella qalet li nofs il-flus li nġabru se jmorru għax-xogħol li qed tagħmel Flimkien għal Ambjent Aħjar biex l-ambjent li qed ngħixu fih ikun tajjeb għas-saħħa.

Il-Koordinatriċi għall-Ġbir ta’ Fondi u Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Moviment Hospice, Anabel Spiteri rringrazzjat lil min ħa sehem f’din il-mixja u fissret kif in-nofs l-ieħor tal-flus li nġabru, se jmur biex tkompli tingħata għajnuna lil pazjenti morda bil-kanċer u lil nies oħrajn li qed ibatu minn xi marda terminali.

Spiteri qalet li l-Moviment Hospice jiddependi minn diversi attivitajiet ta’ fondi u dan biex jgħin lil pazjenti bil-kanċer ikomplu jgħixu b’mod dinjituz. Hi fakkret ukoll kif il-Moviment jara madwar 80 każ ġdid kull xahar.