Internazzjonali

Aġġornata b’ritratti: Felipe VI ipproklamat Re ta’ Spanja

Ir-Re ta’ Spanja Felipe VI ingħata l-ġurament bħala l-Kap il-ġdid tal-Istat fil-Parlament tal-pajjiż. Felipe VI hu t-tieni Re ta’ Spanja minn mindu l-pajjiż reġa’ lura għal demokrazija Parlamentari fl-1975 wara t-tmiem tar-reġim ta’ Francisco Franco.

Aktar kmieni, hu rċieva s-Sash Irjali minn missieru, ir-Re Juan Carlos f’ċerimonja li saret fil-Palazz Zarzuela, ‘il barra mill-kapitali Madrid. Għall-ħabta tal-10.30am fil-Parlament bdiet iċ-ċerimonja biex Felipe VI jingħata l-ġurament u l-proklamazzjoni solenni bħala r-Re ta’ Spanja. Fl-ewwel indirizz tiegħu lill-poplu Spanjol wara li kien proklamat Re u beda r-Renju tiegħu, Felipe VI appella li “irridu nibnu Spanja ġdida flimkien”.

Aktar tard, akkumpanjat minn martu Letizia u uliedhom, hu sellem lill-poplu Spanjol mill-Gallarija tal-Palazz Irjali. Rapporti fuq il-media internazzjonali qalu li l-intenzjoni tal-Familja Rjali kienet li tagħmel dawn iċ-ċerimonji mingħajr ħafna xinxilli fi żmien meta ħafna Spanjoli għaddejjin minn problemi finanzjarji qawwija. Din iċ-ċerimonja kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fi Spanja, fl-ewwel bidla ta’ Monarkiku fil-pajjiż minn meta nkisbet id-demokrazija.