Tliet xhur oħra se nkunu qed infakkru l-50 sena tas-sovranità ta’ Malta, meta għall-ewwel darba fl-istorja ksibna kostituzzjoni li stajna nibdluha aħna l-Maltin stess, kif fil-fatt għamilna diversi drabi wara u għadna nagħmlu s’issa.
Tibda sensiela ta’ attivitajiet varjati mill-Partit Nazzjonalista
Fi tmiem il-ġimgħa se tibda sensiela ta’ attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista biex ifakkar dan l-anniversarju importanti b’attivitajiet varjati biex jolqtu firxa wiesgħa ta’ nies. L-ewwel attività se ssir fl-iqsar lejl f’wieħed mill-eqdem tempji megalitiċi fid-dinja fi ġrajja kulturali li żżewwaq ħafna elementi qodma u ġodda; elementi dejjiema.
Niċċelebraw flimkien dar-rigal ta’ Gvern Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista ħabbar ukoll li fil-ġranet tal-anniversarju se jkun qed jagħti prijorità liċ-ċelebrazzjoni nazzjonali li għandna nagħmluha flimkien, aħna ta’ liema politika aħna, biex infakkru dar-rigal kbir li ta Gvern Nazzjonalista lill-Maltin kollha.
Żvilupp tajjeb li l-Partit Laburista għaraf kemm żbalja dwar l-Indipendenza
Ħaġa tajba ħafna wkoll li l-Partit Laburista, wara snin twal jimla lin-nies bi tkażbir tal-Indipendenza u snin sħaħ li fihom il-21 ta’ Settembru lanqas biss kien festa pubblika, issa qed jammetti kemm kien żbaljat. Żvilupp tajjeb ħafna.
Xieraq li l-Parlament se jkun qed jieħu post dinjituż proprju fl-istess ġranet
Fl-istess żmien se jkun xieraq ħafna wkoll li l-Parlament Malti se jimxi għall-ewwel darba fl-istorja lejn bini għalih – proġett ta’ klassi li hu rigal fiżiku u simbolu xieraq tad-demokrazija parlamentari li l-Partit Nazzjonalista ddefenda meta kienet mhedda u li seddaqha kull meta kien fil-gvern, biex il-poter jagħtih tassew lin-nies.
Poter lin-nies… dik hi s-sovranità u l-indipendenza li kiseb Gvern Nazzjonalista
Għax mexxejja Nazzjonalisti tal-passat u tal-lum, qatt ma fehmu l-kisbiet li għamlu bħala sinjal ta’ vanaglorja għalihom infushom imma bħala kisbiet għall-Maltin. Il-ħolma dejjiema tal-indipendenza għall-Partit Nazzjonalista qatt ma fissret biss sovranità għall-pajjiż waħdu imma l-indipendenza tan-nies. U dik is-sovranità li kiseb għall-pajjiż interpretaha matul iż-żminijiet b’mod li jkabbar l-indipendenza tagħna.
Ir-rigali tal-Indipendenza: l-Università f’Tal-Qroqq…
Bl-edukazzjoni, per eżempju: ir-rigal tal-Indipendenza tal-Gvern Nazzjonalista lil Malta fil-fatt kien l-Università f’Tal-Qroqq li l-ewwel ġebla tagħha tqiegħdet l-għada.
… u tant oħrajn, iffukati fuq id-drittijiet
U aktar: ix-xogħol f’industriji ġodda, l-aqwa servizzi tas-saħħa għal kulħadd, proġetti kbar fl-infrastruttura, drittijiet għalina mħarsin minn istituzzjonijiet indipendenti biex ma nkunu tallaba quddiem ħadd, id-drittijiet tagħna bħala ċittadini Maltin u wkoll Ewropej, l-ewro f’butna, id-dritt li nistudjaw, li naħdmu u li ninvestu fejn irridu.
Is-sovranità u l-indipendenza ta’ kull wieħed u waħda minna
Dan hu li se nibdew niċċelebraw f’dal-ġranet: is-sovranità u l-indipendenza ta’ kull wieħed u waħda minna – l-akbar rigal li qatt seta’ jagħti xi ħadd lilna l-Maltin.