Fis-sigħat li għaddew, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire Nathan Farrugia temm b’suċċess l-Ultramed Challenge bejn Korsika u Sardenja. Matul din l-isfida, ġera għal 160km f’Korsika, qasam il-fliegu ta’ Bonifacio b’għawma ta’ 15km u qadef bir-rota tul il-kosta ta’ Sardenja għal 445km biex jinġabru fondi b’risq il-Fondazzjoni Inspire, li taħdem fost it-tfal b’diżabbiltà.
B’rotta fuq total ta’ 666km, li minnha m’għamilx biss 40km ta’ ġiri minn total ta’ aktar minn 200km minħabba l-problemi li kellu. L-aħħar tappa, fuq ir-rota, ħaditlu 15-il siegħa sħaħ, li matulhom kien waħdu għax it-tim li kellu miegħu rritorna Malta qabel. Ilbieraħ tard filgħaxija, għall-ħabta tal-11pm u qabel il-ħin skedat, Nathan qabeż il-finish line.
Nathan Farrugia ġibed l-ammirazzjoni ta’ ħafna għax minkejja li kellu jieqaf ħesrem minħabba dehydration u jingħata attenzjoni medika tant li saħanistra qatta’ ġurnata u lejl fi sptar, xorta waħda kompla bl-isfida tiegħu. Dan għamlu biex jonora lill-isponsors u lil kulmin diġà ta donazzjoni għall-Fondazzjoni Inspire, bis-somma miġbura s’issa diġà laħqet l-€40,000.
Nathan Farrugia mistenni jasal Malta għall-ħabta tal-12.15pm ta’ għada, fejn mistenni jingħata merħba sabiħa mill-qraba tiegħu u anke mill-istaff u t-tfal li jibbenefikaw mis-servizzi tal-Fondazzjoni Inspire. Għalkemm l-isfida ntemmet, il-linji biex wieħed jagħmel donazzjoni għadhom miftuħin.
Wieħed jista’ jagħmel donazzjoni billi jibgħat SMS bil-kliem “Nathan’s Challenge” fuq dawn in-numri:
50617359 għal €2.33
50618080 għal €4.66
50618926 għal €6.99
50619215 għal €11.65