Kollox lest biex il-Ġimgħa u s-Sibt, it-tempji preistorici ta’ Ħagar Qim jinbidlu minn maqdes li jfakkarna f’missirijietna tal-imgħoddi f’teatru miftuh li fih se jilqa’ spettaklu mużikali li se jiftaħ l-attivitajiet organizzati mill-PN fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-kisba tal-Indipendenza fl-1964.
“Pan the Goat God Hagar Qim” se tkun rappreżentazzjoni unika u partikolari, mifruxa fuq dawn il-jumejn, li fiha l-pubblika se jkun jista’ jassisti għal spettaklu ta’ mużika u żfin. Kif jispjega l-kompożitur u direttur artistiku Ruben Zahra fil-filmat.
Il-mużika tifforma l-parti ewlenija ta’ din il-bicca xogħol. Il-flawtista Taljana Federica Lotti titkellem fuq din ir-rappreżentazzjoni.
Ir-rappreżentazzjoni teatrali tinkludi sitt xeni b’dimensjoni differenti tal-karattru ‘Pan the Goat God’ bl-għajnuna ta’ video-art xogħol l-artist Austin Camilleri.
L-artisti u l-mużiċisti l-oħra nvoluti huma l-pjanista Tricia Dawn Williams, il-vjolinista Nadine Galea mir-Royal College of Music ta’ Londra, iż-żeffiena Arlette Mangion u l-attur Adrian Azzopardi li se jinterpreta l-karattru ta’ Pan. In-narrazzjoni se tkun f’idejn Manuel Cauchi, li wkoll m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni.
Il-biljetti għal din il-bicca xogħol jistgħu jinkisbu mid-Dar Ċentrali.
//= $special ?>