Qorti

Għadu jistenna biex tingħatalu s-sentenza f’wieħed mill-każijiet dwar tbagħbis fl-ismart meters

Quddiem il-Maġistrat Carol Peralta instema’ l-każ ta’ Richard Gauci, ta’ 47 sena mir-Rabat, li kien ammetta l-akkużi miġjubin kontrih. Is-sentenza mistennija tingħata fil-futur qrib minħabba li għad hemm nuqqas ta’ qbil dwar kemm għandha tkun il-piena. Filwaqt li l-Enemalta qed tgħid li dan għamel qliegħ ta’ aktar minn €44,000, l-akkużat qed jiċħad.

Ix-xhud Alan Chetcuti, li jaħdem fir-Review Protection Section fi ħdan l-Enemalta, qal li kien intalab jikkwantifika u mit-testijiet li saru rriżulta li 88 meter installati minn Gauci huma mbagħbsa. Qal minn eżerċizzju li sar, irriżulta li Gauci għamel €44,000 qliegħ. Dan għax irriżulta li għal kull meter intalbet is-somma ta’ €500.

L-Avukat Dominic Micallef, li qed jidher għal Gauci, qal li kien f’taħdidiet maċ-Chairman tal-Korporazzjoni biex jaslu għal ftehim. Ir-raġuni hi li qed isir eżerċizzju ta’ natura konfidenzjali mal-imputat biex jaslu għal somma adekwata.

L-Avukat ta’ Gauci lmenta li fis-sala forensika, il-klijent tiegħu mhux qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa għal saħħtu. Qal li dan l-aħħar iddaħħal l-isptar, bl-imputat qal lill-Qorti li qed jingħata trattament darba f’ġimgħa meta suppost jingaħta kura aktar ta’ spiss. Oħt l-imputat qalet lill-Qorti li peress li mhux qed jingħata dan it-trattament, saqajh qed jintefħulu bil-konsegwenza li m’għadux jimxi.

Min-naħa tagħha, il-Qorti għamlet rakkomandazjzoni biex l-imputat jingħata l-attenzjoni meħtieġa għal saħħtu billi jingħata terapija mill-anqas darbtejn fil-ġimgħa, xi ħaġa li allegatament mhux qed issir. Il-Qorti qalet li tkun trid notifika bil-mitkub li dan il-verbal ġie notifikat, u tagħmel assikurazjzoni bil-miktub li dan it-trattament jingħta regolarment.