Ambjent Lokali

Id-dokument tal-MEPA dwar il-bini għoli jew medju kellu jkun suġġett għal stima ambjentali strateġika – l-AD

Id-dokument tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar il-bini għoli, li jidentifika l-lokalitajiet u l-parametri permessibbli għall-iżvilupp ta’ bini għoli u medju, kellu jkun suġġett għal stima ambjentali strateġika. Hekk sostna d-Deputat Chairperson tal-Alternattiva Demokratika u Kelliem għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Intern Carmel Cacopardo.

Fi stqarrija, ingħad li l-AD tirrikonoxxi li din il-gwida tal-ippjanar tidentifika parametri validi ta’ diżinn, li għandhom iwasslu biex ikunu vvalutati l-applikazzjonijiet sottomessi għal dan it-tip ta’ żvilupp. Madankollu, l-AD nnutat li dan ma kienx suġġett għal din l-istima b’mod li l-impatti ambjentali jkunu identifikati u ndirizzati. Għall-AD, dan joħloq punt interrogattiv dwar il-validità tad-dokument.

Carmel Cacopardo qal li l-AD tirrikonoxxi li l-applikabbiltà ta’ din il-gwida hi direzzjonata b’mod partikolari lejn ir-riġenerazzjoni ta’ siti b’bini dilapidat jew propjetà mhux użata biżżejed. Dan minbarra ż-żoni storiċi, żoni ta’ konservazzjoni urbana u anke żoni għal prijorità residenzjali. Madankollu, iż-żoni identifikati huma vasti wisq u dan joħroġ mid-dokument innifsu, li jgħid li se jkunu meħtieġa studji addizjonali għas-siti li eventwalment se jkunu identifikati, sostniet l-AD.

L-AD saħqet li filwaqt li l-gwida tal-MEPA tidentifika l-istudji li se jkunu meħtiega biex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ bini għoli jew medju, il-parti l-kbira minn dawn l-istudji kellhom ikunu applikati qabel ma ttieħdu d-deċiżjonijiiet dwar il-gwida tal-MEPA. L-AD kkonsidrat ukoll li d-dokument tal-MEPA kellu jkun iktar restrittiv billi jillimita l-iżvilupp ta’ bini għoli jew ta’ għoli medju għal dawk iż-żoni li jeħtieġu riġenerazzjoni.

Dan kien ikun ta’ nċentiv għall-industrija tal-bini biex tassorbi u tiżviluppa mill-ġdid bini li għamel żmienu kif ukoll bini ta’ kwalità inferjuri barra miż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana, temmet tgħid l-istqarrija.