Lokali

Il-UĦM u l-Gvern mistennija jiltaqgħu llum dwar l-għarfien tal-union fil-Malta Public Transport Services

Laqgħat li saru llum bejn il-UHM u l-Gvern dwar il-kwistjoni tat-trasport pubbliku ma taw ebda riżultat konkret biż-żewġ partijiet jissospendu dawn il-laqgħat bl-indikazzjonijiet li dawn se jkomplu l-Ġimgħa.

Sakemm ikomplu l-laqgħat, l-azzjonijiet tal-UHM se jibqgħu sospiżi.

Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) u l-Gvern illum wara nofsinhar se jkunu qed jiltaqgħu dwar il-kwistjoni tal-għarfien trejdunjonistiku fil-kumpanija tat-trasport pubbliku li waqqaf il-Gvern Malta Public Transport Services. Wara jumejn ta’ azzjonijiet industrijali, li fihom ix-xufiera tal-linja membri tal-UĦM strajkjaw sagħtejn filgħodu u sagħtejn waranofsinhar, tard ilbieraħ filgħaxija l-Union irċeviet stedina mingħand il-Ministru responsabbli mit-Trasport Joe Mizzi biex jiltaqgħu ħalli tinsab soluzzjoni.

Dan wassal biex fi stqarrija il-UĦM ħabbret li għalissa qed tissospendi d-direttivi b’ġest ta’ rieda tajba u sakemm isiru t-taħditiet, li mistennija jibdew fl-4.30pm. It-taħdidiet se jsiru bit-tama li jkun hemm żblokk fil-kwistjoni bejn iż-żewġ naħat.

Il-kwistjoni hi dwar liema union għandha l-maġġoranza tal-membri fost il-ħaddiema tal-kumpanija, bil-UĦM qed tgħid li għandha l-provi li juru li aktar minn nofs il-ħaddiema, 400 minn total ta’ 670, huma membri taghha. Min-naħa l-oħra, il-Gvern u l-kumpanija s’issa qed jirrifjutaw li ssir il-verifika mid-Direttur tax-Xogħol biex ikun stabbilit li l-UĦM verament għandha l-maġġoranza. Il-UĦM qed tinsisti li m’għandux ikun il-Ministru li jiddeċiedi min għandu l-maġġoranza, iżda għandha ssir verifika indipendenti mid-Direttur tax-Xogħol, kif sar f’okkażjonijiet oħrajn.

Ilbieraħ, il-UĦM uriet dawn il-provi lill-ġurnalisti, li uriethom ukoll kif ħaddiema membri tagħha ma kinitx qed tinqatagħlhom il-miżata tas-sħubija mill-paga tagħhom biex il-UĦM tidher li m’għandhiex il-maġġoranza. F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella qal li l-Union hi lesta li mhux biss issir il-verifika mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, skont ix-xewqa tal-ħaddiema, iżda saħansitra li ssir votazzjoni mill-ħaddiema stess li jiddikjaraw huma liema union tirrappreżentahom.

Vella sostna wkoll li kien hemm ħaddiema li għax strajkjaw ġew mhedda li jitkeċċew jew jaqtgħulhom l-overtime inkella titnaqqsilhom il-paga. Qal li l-UĦM se tagħti kull għajnuna lil dawn il-ħaddiema li ġew mhedda u lesta ddaħħal ukoll lill-Pulizija.