Sport Sport Ieħor

Imnedija l-karozza u t-tim tal-Malta Formula Racing Team

Waqt attività li saret fil-Ġnien ta’ Hastings ġew imnedija l-karozza u t-tim tal-Malta Formula Racing Team. Spikkat il-preżenza tas-sewwieq żagħżugħ Malti Keith Camilleri, li għall-ewwel darba fl-istorja, permezz tiegħu u tat-tim li jifforma parti minnu, pajjiżna qed jieħu sehem fil-Kampjonat tal-karozzi Formula 4. Kien hemm ukoll preżenti s-sewwieq l-ieħor Zack Dante, li hu ta’ nazzjonalità Amerikana.

Fil-fatt, kienu dawn iż-żewġ sewwieqa li kixfu l-karozza waqt il-preżenztazzjoni, li saret minn Pierre Vella quddiem attendenza sabiħa ta’ dilettanti tal-karozzi f’pajjiżna. Fost dawk li tkellmu kien hemm il-President tal-Malta Motorsport Federation Tonio Cini, li stqarr li l-mument li qed jgħixu d-dilettanti tal-karozzi f’Malta hu ħolma li saret realtà. Hu awgura lit-tim Malta Formula Racing kull suċċess f’din l-esperjenza ġdida.

Kien hemm preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar, li tkellem mal-membri tat-tim flimkien mas-sewwieqa. Filwaqt li awguralhom kull suċċess, tenna l-appoġġ tal-Oppożizzjoni għal dan l-isport f’pajjiżna. Attendew ukoll il-Ministru Manwel Mallia kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Chris Agius.